Għawdex Lokali

F’MARSALFORN: Ħmieġ u terrapien mormi fil-baħar

Il-Kunsill taż-Żebbuġ Għawdex ma kellu x'jaqsam xejn ma dan ix-xogħol; Tingħata struzzjoni biex il-materjal jibda jitneħħa

Aġġornata

Iz-zona turistika ta’ Marsalforn spiċċat qisha taħt assedju dalgħodu hekk kif il-Ministeru għal Għawdex iddeċieda li jibda xogħol ta’ tindif fil-wied li jwassal lejn din il-bajja f’Għawdex. Izda mhux hekk biss. L-iskart li inġabar deher jinxteħet kollu fil-baħar.

Ritratti li kiseb Net News juru trakkijiet iwaddbu skart direttament fil-bajja ta’ Marsalforn.

Sorsi qalulna li lanqas il-Kunsill Lokali ma kien infurmat b’din l-idea tal-Gvern li jwettaq ix-xogħlijiet propju f’Lulju – fl-eqqel tal-istaġun turistiku għall-gżira Għawdxija.

Sadanittant, fi stqarrija, l-Awtorità tal-Ippjanar qalet li ordnat lill-kuntratturi tal-Ministeru għal Għawdex biex imorru jneħħu l-materjal li twaddab fil-bajja ta’ Marsalforn.

Skont l-Awtorità, uffiċjali tagħha marru mill-ewwel fuq il-post malli sar magħruf x’kien seħħ, fejn il-ħaddiema bdew mill-ewwel ineħħu l-materjal.

L-Awtorità żiedet li se tkun qed tagħmel moniteraġġ tax-xogħlijiet sakemm tkun sodisfatta li l-materjal kollu tneħħa u l-bajja rritornat għan-normal.