Lokali Saħħa

“Gvern li jabbanduna n-nies vulnerabbli” – il-Partit Nazzjonalista dwar ir-rapport tal-Awditur Ġenerali

Mill-Arkivji

Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-verifika fuq effettività tal-isptar Monte Karmeli juri biċ-ċar li l-Gvern m’għandux ħeġġa u lanqas pjan għas-settur tas-saħħa. Dan meta r-rapport jgħid ċar u tond li l-kundizzjoni mhix aċċettabbli li jinsab fiha preżentament l-isptar Monte Karmeli hija r-riżultat tan-nuqqas ta’ impenn mill-Gvern lejn il-qasam tas-saħħa mentali.

Fi stqarrija b’reazzjoni, il-PN qal li l-istess rapport tal-NAO jagħmilha ċara li sakemm il-Gvern se jibqa’ bla pjan għas-settur tas-saħħa mentali, kull investiment li jista’ jsir mhux se jħalli r-riżultat u l-isptar Monte Karmeli se jibqa’ jaffaċċja sfidi kbar. Quddiem dan kollu, s-soluzzjoni tal-Ministru Chris Fearne kienet li se jibda jitkellem fuq pjan għas-snin li ġejjin, li bl-ammissjoni tiegħu stess kien qal li l-isptar Monte Karmeli mhux se jkun tajjeb qabel l-2023, wara l-elezzjoni ġenerali li jmiss. Dan meta l-Gvern Laburista jinsab fit-tieni leġislatura tiegħu.

L-istqarrija tkompli li meta r-rapport tal-NAO jikkonkludi li hemm ‘ċertu tensjoni fir-relazzjonijiet bejn ilmanagement u l-impjegati ta’ dan l-isptar, liema sitwazzjoni qed timmina l-effiċjenza u leffettività tal-operat tal-isptar’, dan jagħti raġun lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta sostna li l-Gvern Laburista abbanduna l-isptar Monte Karmeli, u użah biex jaqdi lil tal-qalba. Dan meta ħatar Kapijiet Eżekuttivi mingħajr esperjenza fis-saħħa mentali bl-uniku kriterju jkunu li kienu Sindki Laburisti.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li s-settur tas-saħħa mentali jrid jittieħed b’aktar serjetà u lproblemi fl-isptar Monte Karmeli, kif ikkonfermati wkoll fir-rapport tal-Awditur Ġenerali, għandhom jittieħdu b’serjetà. Dan għaliex fl-istar Monte Karmeli hemm nies vulnerabbli li għandha tingħatalhom l-għajnuna kollha possibbli, ittemm l-istqarrija.