L-awtoritajiet Tajlandiżi qed jippruvaw jaraw kif se joħorġu t-12-il żagħżugħ u l-coach tal-football tagħhom mill-għar li ilhom maqbudin fih għal kważi ġimagħtejn. Il-ħaddiema tas-salvataġġ għandhom żewġ għażliet: li jippruvaw joħorġuhom fil-ġranet li ġejjin inkella jistennew sakemm jitbaxxa l-livell tal-ilma.
L-uffiċjali qalu li jistgħu jippruvaw joħorġu xi wħud min-nhom, imma l-ewwel iridu jgħallmuhom kif jużaw l-apparat tal-għaddasa. Imma anki l-vjaġġ fl-ilma mhux faċli peress li hemm passaġġi dojoq u l-ilma mhux ċar. Dan apparti li hemm tfal żgħar fost il-grupp u l-apparat tal-għaddasa hu tqil wisq għalihom. L-għażla l-oħra hi li jistennew sakemm il-livell tal-ilma jitbaxxa; imma dan jista’ jieħu l-ġimgħat jekk mhux xhur.
Il-grupp għandu età varja ta’ bejn il-11 u s-16-il sena u l-coach tagħhom għandu 25 sena. Huma daħlu fl-għar ta’ Tham Luang meta kollox kien niexef, imma nqabdu hemm meta bdiet nieżla ħafna xita, bil-konsegwenza li mbagħad spiċċaw imblukkati hemmhekk.
Huma nstabu minn żewġ għaddasa speċjalizzati Ingliżi u mbagħad la darba lokalizzati, interveniet taqsima ta’ għaddasa tal-militar Tajlandiż u ngħataw ikel u xorb, kif ukoll dawk li kellhom xi feriti kienu mdewwija.
Huma nstabu madwar erba’ kilometri ġewwa l-għar. Issa l-militar Tajlandiż ħareġ filmat tal-grupp ġewwa l-għar u qed jippruvaw jistabbilixxu kuntatt bejnhom u barra biex jitkellmu mal-ġenituri fi ġrajja li żammiet il-pajjiż fuq ix-xwiek.
//= $special ?>

