Hekk kif l-Unjoni Ewropea tħejji għal perjodu ġdid ta’ fondi, kollox jindika li l-Gvern Malti ta’ Joseph Muscat mhux se jirnexxielu jġib fondi daqs gvernijiet Nazzjonalisti ta’ qablu, tant li l-Gvern qed ikun sfurzat ifittex alternattivi.
Kien waqt seminar il-Ħamis filgħodu meta s-Segretarju Parlamentari għall-Affarijiet Ewropej Aaron Farrugia ta indikazzjonijiet ċari li l-Gvern mhux se jirnexxielu jġib lejn Malta fondi sostanzjali mill-Unjoni Ewropea.
Dan b’kuntrast qawwi man-negozjati b’suċċess li kienu saru minn Eddie Fenech Adami u Lawrence Gonzi fiż-żewġ negozjati li għamlu huma.
Fenech Adami kien irnexxielu jġib għal pajjiżna €855 miljun għall-perjodu ta’ bejn l-2007 u l-2014, filwaqt li fl-2013 Lawrence Gonzi kien irnexxielu jassigura aktar minn €1,000 miljun għall-perjodu ta’ bejn l-2014 u l 2-2020.
Meta kien qed jitkellem, Aaron Farrugia ta dawn l-indikazzjonijiet filwaqt li qal li l-gvern għadu għaddej b’negozjati dwar il-fondi li se jieħu pajjizna. Hu kompla jgħid li Malta se jkollha tfittex programmi oħra li jista’ jibbenefika minnhom pajjiżna fid-dawl tal-probabilità li jitnaqqsulna l-fondi mis-sena 2020. Qal ukoll li Malta kienet għada mhux qed tagħmel użu komplet tal-fondi minn programmi eżistenti.
Sadanittant, għad mhux magħruf meta se jitlestew in-negozjati min-naħa tal-Gvern Malti u x’se tkun is-somma finali ta’ fondi li l-Gvern se jinnegozja għal Malta għall-perjodu li ġej.
//= $special ?>