Internazzjonali

Jużaw logħob tan-nar bi ftit ħoss minħabba l-annimali

L-awtoritajiet Banff f’Alberta fil-Kanada, għal-jum nazzjonali tal-pajjiż, il-Canada Day fl-1 ta’ Lulju wżaw logħob tan-nar li jagħmel ftit ħoss. Dan minħabba l-annimali fiz-zona.
Madwar Banff hemm park nazzjonali u Corrie DiManno, id-Deputat Sindku ta’ Banff, qalet li peress li l-belt hi fost ta’ quddiem fil-ħarsien tal-ambjent fil-Kanada, it-tmexxija tal-belt riedet turi li dejjem qed tistinka biex taħres l-ambjent. Barra minn hekk intqal li dan sar ukoll minħabba l-pets tan-nies imma l-impatt tal-logħob tan-nar fuq l-annimali li jgħixu fis-salvaġġ hu akbar.
Skont il- People for the Ethical Treatment of Animals (PETA), statistika mill-Istati Uniti turi li fl-4 ta’ Lulju, il-Jum Nazzjonali Amerikan u li hu karaterizzat mil-logħob tan-nar, ikun hemm żieda fil-pets li jintilfu hekk kif klieb u qtates jaħarbu mid-dar bil-biża’ minħabba l-logħob tan-nar.
Infatti għall-festa tal-4 ta’ Lulju, il-belt Amerikana ta’ Aspen waqqfet il-logħob tan-nar u minflok għamlet wirja fl-ajru b’50 drone. Dan sar kemm minħabba l-effett tal-annimali li jgħixu fl-inħawi imma wkoll minħabba biża’ li jkun hemm nar. Dan peress li fiz-zona għal dawn l-aħħar xhur kien hemm nixfa kbira.
Din ta’ Banff fil-Kanada u Aspen fl-Istati Uniti mhux xi ħaġa unika. Fost l-oħrajn diġà kien hemm Collecchio fl-Italja li fl-2015 waqfet il-logħob tan-nar li jagħmel ħoss qawwi filwaqt li fir-Renju Unit ma jistax jiġi sparat logħob tan-nar li jagħmel ħoss qawwi qrib zoni residenzjali jew fejn hemm l-annimali miġbura.