B’referenza għas-sentenza mogħtija fil-kawża kontra l-Prim Ministru Joseph Muscat, id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina ddikjara fi stqarrija li matul iż-żmieni mogħti mil-liġi se jikkunsidra appell kontra s-sentenza li ingħatat illum. Dan b’rabta mal-kawża kontra l-Prim Ministru meta għamel dikjarazzjoni fil-konfront tiegħu b’rabta ma’ xogħlijiet fiż-Żurrieq.
Il-Qorti tal-Appell diġà ddeċidiet żewġ libelli f’kawżi li Bezzina kellu kontra l-midja tal-Partit Laburista, fejn f’każ iddeċidiet li kien hemm libell u f’każ ieħor iddeċidiet li ma kienx hemm lok għal libell.
“Ta’ min isemmi fatt ċar li ħareġ waqt dawn it-tliet każijiet u li għadu ħadd sal-lum ma spjega kif f’nofs inkjesta Dipartimentali, ħaddiema li quddiem l-inkjesta setgħu jixhdu bil-libertà kollha u assistiti mill-avukati tagħhom spiċċaw ittieħdu dritt fil-Kwartieri Ġenerali tal-Partit Laburista, f’ċirkostanzi li mhux ċari, u saritilhom dikjarazzjoni li fiha għall-ewwel darba qajmu l-allegazzjonijiet”, qal Toni Bezzina.
“Għalhekk nistaqsi x’qed isir u kif qed jiġi trattat il-Każ tal-Ministru Carmelo Abela, li propju fid-dar tiegħu fejn jgħix saru xogħlijiet minn ħaddiema tal-Gvern u allegatament waqt il-ħin tax-xogħol.”
Fl-istqarrija tiegħu, id-deputat Nazzjonalista jistaqsi jekk xi ħadd f’dan il-każ reġax bagħat għal xi ħaddiema fil-Kwartieri Ġenerali tal-Partit Laburista biex jagħmlu xi dikjarazzjoni u jekk xi ħadd kellimx lil dawn il-ħaddiema tal-Gvern li ħadmu fid-dar tal-Ministru Abela għal benefiċċju personali.
//= $special ?>