Lokali Parlament

Konrad Mizzi ma jiċħadx li Karl Cini kien fil-Kumitat ta’ Aġġudikazzjoni biex ingħażlu l-VGH

Il-Ministru Konrad Mizzi ma jiċħadx li Karl Cini ta’ Nexia BT kien fil-Kumitat ta’ Aġġudikazzjoni biex ingħażlu l-VGH.

Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi staqsa lill-Ministru għat-Turiżmu jgħid min kienu, apparti Karl Cini ta’ Nexia BT, il-membri ta’ kull kumitat ta’ evalwazzjoni u aġġudikazzjoni biex il-Vitals Global Healthcare (VGH) intgħażlu mill-Gvern Malti

Il-Ministru Konrad Mizzi qal li li l-Bord ta’ Evalwazzjoni kien kompost minn persuni maħtura mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tas-Saħħa u l-Enerġija minn fost persuni b’esperjenza fil-qasam tal-proġetti pubbliċi u tas-saħħa, u li għandhom l-indipendenza tal-ġudizzju meħtieġa biex iwettqu dik il-funzjoni, u dan kif dejjem isir.

Peress li l-membri tal-Bord jaġixxu fil-mansjoni uffiċjali u mhux personali, u peress li fl-aħħar mill-aħħar huwa l-Gvern li jirrispondi għad-deċiżjonijiet tagħhom, il-Gvern ma jħossx li jkun korrett li d-data personali tal-individwi tiġi mxandra, qal il-Ministru Mizzi.