Ir-rapport ta’ Climate Action Network (CAN) Europe li juri kif Malta hija fost il-ħames l-inqas pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li qed jirreġistraw progress fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima huwa ta’ tħassib kbir.
Fi stqarrija ffirmata mill-kelliem tal-Oppozizzjoni ghall-Ambjent Jason Azzopardi, il-PN sostna li dan ir-rapport jiċċertifika l-ħidma ta’ Malta kontra t-tibdil fil-klima bħala ‘fqira ħafna’. Fil-konklużjonijiet jingħad li Malta mhix se tilħaq il-mira fit-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-agrikoltura, t-trasport u l-bini.
L-istqarrija tkompli li dan kollu juri li b’mod konsistenti Malta mhix qed tirreaġixxi għall-isfida li t-tibdil fil-klima se tpoġġi fuq is-soċjetà. In-nies għandhom ikunu moħħhom mistrieħ li l-ambjent u l-klima ta’ pajjiżna qed jiġi mħares bis-serjetà u mhux bil-paroli min-naħa tal-Gvern.
Ir-rapport juri wkoll stampa differenti mill-kliem tal-Gvern li pajjiżna se jilħaq il-miri ambjentali. Din is-sitwazzjoni qed twassal biex ikunu l-NGOs li qed iqajmu l-għarfien favur il-ħarsien tal-ambjent b’mod speċjali l-ħarsien tas-siġar.
Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jixpruna lill-Gvern biex jieħu d-deċiżjoni fl-immedjat għall-ħarsien tal-ambjent għat-tgawdija tal-ġenerazzjoni li jmiss. Gvern ġdid Nazzjonalista se jara li Malta ssir pajjiż li jkun fuq ta’ quddiem fil-ħarsien tal-ambjent billi jindirizza l-isfidi bi pjan fit-tul, ittemm l-istqarrija.
//= $special ?>