Lokali

“Min se jerfa’ r-responsabbilta’ politika ta’ dak li qed jiġri fil-Qrati?” – Adrian Delia

“L-inkjesti li għaddejjin se jindikaw min għandu jerfa’ r-responsabbilta’ amministrattiva, iżda min se jerfa’ r-responsabbilta’ politika għan-nuqqasijiet li ġraw fil-Qrati?”. Jistaqsi dan Adrian Delia, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-ġustizzja waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-dawl tat-tliet każi li ssemmew fl-aħħar jiem fejn droga kienet rappurtata nieqsa u l-istorja żvelata llum fil-ġurnal In-Nazzjon dwar tbagħbis ta’ proċess ta’ kumpilazzjoni.

Adrian Delia qal li fil-Qrati wieħed jistenna li jingħata l-ġustizzja. f’dik li qed titqies bħala l-aħħar bastjun tal-ġustizzja. Hu staqsa għaliex il-Gvern baqa’ sieket u kellha tkun il-media li kixfet dawn il-każi.

Il-Kap tal-PN kompla li l-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici ilu jiftaħar dwar l-effiċjenza tal-Qorti. Fir-realta’, mhux biss l-effiċjenza ma żdieditx u għad hemm l-istess dewmien fis-smigħ ta’ każi, iżda issa qed joħroġ ukoll li l-amministrazzjoni tal-Qrati mhux qed tissalvagwardja l-proċess ta’ xhieda li hu essenzjali biex issir ġustizzja.

Adrian Delia staqsa kif se nserrħu moħħna li l-proċessi m’humiex mittiefsa. Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll is-Sindku Nazzjonalista tas-Siġġiewi Alessia Psaila Zammit u l-kandidat tal-Partit Nazzjonalista Angelo Micallef.