Ambjent Kunsilli Lokali Lokali

Pressjoni biex il-Ministru Ian Borg joħroġ l-informazzjoni kollha dwar il-proġett

"Għandna nħarsu lejn it-trasport b'mod ħolistiku"

“Il-pjanti tal-proġett tal-bypass il-ġdida f’Ħ’Attard ilhom jinbidlu u hemm bżonn li bħala residenti ningħataw l-informazzjoni kollha”. Hekk stqarr il-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard fi stqarrija maħruġa dalgħodu.

Il-Kunsill fakkar kif waqt il-laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp li saret fil-Parlament fit-2 ta’ Lulju, il-Ministru Ian Borg għoġbu jwieġeb xi kritika li qed issir dwar din il-bypass billi jgħid li l-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard “ma ħax pożizzjoni dwar il-proġett”.

Il-Kunsill sostna li bħalissa qiegħed jinforma ruħu sew fuq il-proġett u nnota li l-pjanti tal-proġett ilhom jinbidlu.

Il-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard qed jeżamina wkoll l-istrateġija dwar it-trasport u dokumenti oħra tal-Gvern stess, għax “jemmen li għandna nħarsu lejn it-trasport b’mod ħolistiku u mhux biss mill-perspettiva ta’ bini ta’ toroq”.

L-istqarrija tgħid li qed isiru wkoll diskussjonijiet fil-fond kemm fost il-Kunsilliera, kif ukoll ma’ diversi persuni oħra.

“Nassiguraw lill-Ministru li l-Kunsill, fil-ħin opportun u meta jidhirlu xieraq se jieħu pożizzjoni
uffiċjali, u jekk hemm bżonn vot fuq il-proġett – proċess li tassew jirrifletti il-mod demokratiku kif għandu jaħdem Kunsill”.

Fl-aħħarnett, il-Kunsill appella lill-Gvern u lill-Ministru biex joħroġ l-informazzjoni kollha dwar il-proġett u dwar il-viżjoni tal-Gvern għal trasport sostenibbli.