Lokali Parlament

Proposta għal Kunsill Reġjonali għal Għawdex u rata inqas ta’ VAT

– David Stellini, PN

Id-deputat Nazzjonalista David Stellini ppropona li jitwaqqaf il-Kunsill Reġjonali għal Għawdex u biex f’Għawdex tkun introdotta rata differenti u inqas ta’ VAT minn Malta.

Fl-Aġġornament David Stellini qal li l-Għawdxin għandhom diversi diffikultajiet u sfidi quddiemhom li jridu jkunu indirizzati separatament minn sfidi oħra. Fost dawn hemm il-problemi li għandhom il-ħaddiema Għawdxin li kull filgħodu jridu jinżlu Malta biex jaħdmu. Minbarra l-problemi tat-trasport hemm ukoll problemi minħabba nuqqas ta’ parkeġġ fix-Xatt tal-Imġarr bil-konsegwenza li l-Għawdxin ikollhom iħallu l-karozzi tagħhom ħdejn il-Kappella ta’ Lourdes u jimxuha s’isfel. Hu ppropona li jsir parkeġġ fix-xatt.

Id-deputat Nazzjonalista tkellem ukoll dwar l-importanza li f’Għawdex jitwaqqaf il-Kunsill Reġjonali fuq l-istess bażi li kellu l-Kunsill Ċiviku li kien jopera fil-passat. Hu qal li dan għandu jkollu fondi speċifikati għalih u b’hekk Għawdex ikun qed jitmexxa b’semi-awtonomija.

Fil-kuntest tal-fondi, David Stellini semma’ s-sitwazzjoni li qed tiffaċċja Malta fejn jista’ jkun li ma tkunx eliġibbli għall-istess ammont ta’ fondi mill-budget tal-UE. Hu ppropona li f’dan il-każ, Għawdex għandu jkun kunsidrat għalih biex b’hekk il-fondi jinkisbu.

David Stellini ppropona wkoll li f’Għawdex tiddaħħal sistema ta’ VAT differenti minn dik ta’ Malta biex b’hekk l-ekonomija Għawdxija tkun aġevolata u jkollha iktar opportunitajiet tikkompeti. Hu ppropona wkoll li l-fibre optic cable isir kemm jista’ jkun malajr u espriemha d-diżappunt tiegħu għall-mod kif saru x-xogħlijiet fil-by-pass tal-Mellieħa biex issa se jkollha titbaxxa l-veloċità għas-sewwieqa. Dan hu disservizz għall-Għawdxin.