Ambjent Lokali

FILMAT: Il-Ministeru ta’ Għawdex favur li jitwaddab il-materjal f’Marsalforn

L-Awtorità tal-Ippjanar tgħid kontra; il-Ministeru ta' Għawdex jgħid favur: Min għandu raġun?

Skont il-Ministeru ta’ Għawdex, il-materjal li twaddab fil-bajja ta’ Marsalforn u li qajjem furur fuq il-media soċjali, kien intenzjonat li jitwaddab.

Fi stqarrija, il-Ministeru għal Għawdex qal li l-proċess inkwistjoni “jinvolvi li r-ramel, iċ-ċagħaq u materjal ieħor li ttella’ mill-baħar matul l-istaġun tax-xitwa, jerġa’ jsib ruħu lura fil-bajja”.

Imma l-pożizzjoni tal-Ministeru ta’ Għawdex favur li jitwaddab il-materjal f’Marsalforn, tmur għal kollox kontra l-pożizzjoni li ħadet l-Awtorità tal-Ippjanar ilbieraħ, meta ħabbret li tat ordni biex il-materjal mitfugħ fil-baħar jitneħħa mill-aktar fiss.

Mhux talli hekk, iżda talli l-Awtorità qalet li kienet se tagħmel moniteraġġ hi stess biex tara li l-materjal kollu jitneħħa sakemm il-bajja tirritorna għan-normal.

Imma dlonk kien il-Ministeru ta’ Għawdex li qal li l-materjal twaddab il-baħar “skont method statement approvat mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi”. Skont il-Ministeru ta’ Għawdex, dan l-intervent isir biss meta l-kundizzjonijiet tat-temp ikunu favorevoli.

Il-Ministeru saħansitra żied li dan ix-xogħol isir kull sena wara li jinħarġu l-permessi kollha neċessarji, u li qed jikkollabora mal-Awtoritajiet kompetenti sabiex jassigura li ma jkun hemm l-ebda impatt ambjentali fiż-żona.

Imma qabel il-Ministeru ta’ Għawdex ħareġ jgħid li l-materjal filfatt kien intenzjonat li jitwaddab fil-baħar, l-Awtorità tal-Ippjanar kienet diġà tellgħet filmat ta’ gaffa tiġbor lura l-materjal.

It-taħwid dwar min għandu raġun f’din il-kwistjoni, jekk hux l-Awtorità tal-Ippjanar jew inkella l-Ministeru għal Għawdex, beda wara li fuq il-media soċjali ttella’ filmat ta’ trakk iwaddab materjal mhux identifikat fil-baħar.

Filmat: Wara li feġġ il-każ, l-Awtorità tal-Ippjanar tat ordni biex jitneħħa l-materjal… ftit wara, il-Ministeru għal Għawdex qal li l-materjal kien intenzjonat li jitwaddab.

F’MARSALFORN: Ħmieġ u terrapien mormi fil-baħar