Lokali

FILMAT: Tmien żgħażagħ jintlaqtu minn karozza li telgħet fuq il-bankina

Il-karozza jidher li baqgħet sejra għal tul ta' metri fuq il-bankina f'San Ġiljan, kissret siġra u żewġ fanali sakemm weħlet maċ-ċinta

Tmien żgħażagħ intlaqtu minn karozza, b’wieħed minnhom jinsab fil-periklu tal-mewt, hekk kif karozza spiċċat fuq il-bankina max-xatt ta’ San Ġiljan.

Kien għal ħabta tal-4:50 ta’ filgħodu meta karozza tat-tip Subaru Impreza baqgħet tiela fuq il-bankina fi Triq Ġorġ Borg Olivier, viċin il-pitch tal-waterpolo ta’ San Ġiljan, fejn intlaqtu tmien persuni li kienu miexjin max-xatt fuq il-bankina. Il-karozza li kienet misjuqa minn żagħżugħ ta’ 20 sena minn Birkirkara waqfet hekk kif ħabtet maċ-ċinta mad-dawra tax-xatt.

It-tmien persuni li ttajru huma kollha ta’ nazzjonalità barranija; żewġ Ingliżi ta’ 25 sena, erba’ rġiel Olandiżi li l-età tagħhom tvarja bejn is-19 u l-25 sena, u żewġ tfajliet mill-Kroazja ta’ 23 u 21 sena. Iż-żagħżugħ ta’ 20 sena minn Birkirkara li kien qed isuq il-karozza, allegatament fis-sakra, ġie arrestat.

Fuq il-post waslet ambulanza, fejn uffiċjali tal-Pulizija għalqu t-triq minfejn seħħ l-inċident sa Spinola.

Wara li l-vittmi li ttajjru minn karozza ttieħdu l-isptar Mater Dei, ġie ċċertifikat li ġuvni Olandiż ta’ 25 sena qiegħed isofri minn ġrieħi serji, ġuvni Ingliż ta’ 25 sena ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi, tliet ġuvnitur Olandiżi u ġuvni Ingliż ġew iċċertifikati li qed isofri minn ġrieħi ħfief, filwaqt li ż-żewġ nisa ma sofrew l-ebda ġrieħi.

Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Francesco Depasquale li ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-inkjesta li ġiet appuntata. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Ritratti u Filmat: Matthew Tabone

Muntaġġ: Stephen Chircop

Aktar aħbarijiet relatati:

“Kien kważi mejjet; kullimkien demm”