Il-proġetti ambizzjużi ta’ dekorazzjoni fil-Knisja Parrokkjali ta’ Kristu Re f’Raħal il-Ġdid għaddejjin ġmielhom hekk kif bħalissa waslet fl-aħħar fażi l-ikbar arzella ta’ Knisja mpittra mill-artist Għawdxi, Manuel Farrugia.
F’għoli ta’ 30 metru, NET News żar lill-pittur Ghawdxi, Manuel Farrugia, waqt li kien għaddej bl-aħħar irtokki fuq il-pittura l-ġdida. Il-qies tal-arzella, għoli ta’ madwar 13-il metru u nofs-ċirkonferenza ta’ madwar 60 pied, offriet sfida differenti u akbar mill-pitturi l-oħra li ż-żagħżugħ Għawdxi pitter għal din l-ikbar Knisja f’Malta:
“Trid tevalwa ħafna l-proporzjon u l-kompożizzjoni għaliex huma fundamentali fix-xena. Dan għaliex jekk tkabbar ħafna il-figuri, tista’ titlef kollox u tiġi daqsxejn waħda massiva, filwaqt li jekk iċċekken il-figuri, ma jitgawdex. Mil-lat tekniku, trid toqgħod ħafna attent fid-disinn kif ukoll il-proporzjon. Minn hemmhekk żviluppajt il-kobor tagħha, iġifieri b’mollijiet ħdimthom apposta biex inkun nista’ niġi nippruvahom hawnhekk. Għax dan kull darba trid titla’ fuq l-armar, battikata biex tiġi minn Għawdex u dejjem iġġib miegħek ix-xogħol biex twaħħlu. Sa kelli nibdel l-ambjent fejn naħdem u nikri garaxx biex inpitter din il-pittura fil-kobor. ”
Manuel Farrugia elabora aktar it-tema magħżula għax-xena tal-arzella:
“Is-suġett u t-tema ta’ din l-arzella hija t-”Tron tal-Grazzja”, Kristu bil-qiegħda fuq it-tron fejn il-glorja tat-Trinità Qaddisa. Flimkien mal-Madonna u San Ġużepp bħala Patrun tal-Knisja Universali, fuq in-naħa tal-lemin tal-kompożizzjoni nsibu lill-Prekursur ta’ Kristu, San Ġwann il-Battista għal irkupptejth. Fuq ix-xaqliba l-oħra nsibu rappreżentazzjoni ta’ Pawlu jippreżenta l-fidi lil Malta. Għandek lil Malta ppersonifikata għal irkuptejha bl-arma tal-Kungress Ewkaristiku. Dan hekk kif il-Knisja nbniet bħala tifkira għall-Kungress Ewkaristiku tal-1913. U fuq Malta għandek l-anġlu adoratur, li jippreżenta l-qima li jagħtu l-Maltin lil Kristu Sultan.”
Ix-xena li wieħed jista’ jgawdi mill-Festa ta’ Kristu Re li ġejja, intgħażlet wara li l-artist ippreżenta 2 buzzetti lill-Kummissjoni Arti Sagra.
Mal-Kanonku Marc-Andre Camilleri, Kappillan tal-Parroċċa, temmejna nelaboraw dwar il-proġetti l-oħra li għaddejja minnhom il-Knisja:
“Fl-istess ħin għaddejjin ħafna u ħafna proġetti, il-Knisja kif kulħadd jaf hija daqshekk kbira. Għalhekk, biex isiru dawn il-proġetti jirrekjedu ħafna u ħafna xogħol. Apparti mill-proġetti ta’ pittura, isir ukoll xogħol ta’ manutenzjoni. Għaddej xogħol estensiv ta’ restawr fuq l-estern tal-Knisja ukoll, biex nieħdu ħsieb dak li għamlu missirijietna. Dan kollu jsir bil-ħeġġa u l-enerġija ta’ tant benefatturi li huma dejjem lesti li jgħinu għaliex li kieku, ma nkunu nistgħu nagħmlu xejn minn dan.”
//= $special ?>