Seba’ membri, inkluż il-kap, tas-setta qattiela Aum Shinrikyo, ingħataw il-piena tal-mewt, bil-miżura tkun ikkonfermata mill-Ministeru tal-Ġustizzja Ġappuniż. Dan meta fil-Ġappun, ma jingħata qatt aħbar qabel xi esekuzzjoni imminenti ta’ kriminali.
Il-grupp Aum Shinrikyo sar magħruf madwar id-dinja wara li l-membri tiegħu, fl-1995, wettqu attakk bil-kimika velenuża fis-sistema tal-underground ta’ Tokjo, bir-riżultat li mietu tlettax il-persuna; b’eluf oħra jisfaw midruba. Il-kimika ( jew gass) użata fl-attakk kien tat-tip Sarin u din tibqa’ l-agħar azzjoni terroristika fl-istorja moderna tal-Ġappun.
Intant, stqarrija mill-awtoritajiet Ġappuniżi qalu li l-esekuzzjonijiet tal-kap, Shoko Asahara, u l-membri oħrajn ta’ Aum Shinrikyo saru dalgħodu, ġo ċentru għad-detenzjoni ta’ persuni kriminali f’Tokjo. Il-qtil legali, bil-forka, kien ġie pospost sakemm l-imputati kollha kienu konkludew l-aħħar appelli kontra s-sentenza tal-mewt.
Intant, sitt membri oħra ta’ din is-setta għadhom miżmumin il-ħabs, bis-sentenza tal-mewt imdendla fuqhom.
Il-qraba tal-vittmi tal-attakk tal-1995 laqgħu b’sodisfazzjon l-aħbar dwar l-esekuzzjonijeit ta’ Asahara u s-segwaċi tiegħu. Iżda uħud li kienu intervistati mill-media Ġappuniża qalu li filwaqt li l-proċess tal-ġustizzja mexa b’mod xieraq, dan ma jfissirx li huma (il-qraba) qatt jistgħu jinsew l-inċident qattiel fis-subway ta’ Tokjo.
Kien fl-20 ta’ Marzu tal-1995 li l-membri tas-setta ferrxu l-gass Sarin fis-subway ta’ Tokjo, fejn ħallew riċipjenti mtaqqbin u mimlijin b’nerve agent fil-forma ta’ likwidu fiz-zoni minfejn kienu qed jgħaddu l-ferroviji, f’distrett prinċipali tal-kapitali.
Il-gass velenuż kien laqat lill-vittmi fi kwistjoni ta’ sekondi, b’dawn jispiċċaw bla nifs u paralizzati, u b’uħud jispiċċaw imutu bħala konsegwenza.
Asahara u s-segwaċi tiegħu kienu anki akkużati dwar sensiela oħra ta’ omiċidji kif ukoll dwar attakk ieħor bil-gass Sarin li kien seħħ fl-1994 u li sewa l-ħajja ta’ tmien persuni – b’mijiet isofru sfreġju serju.
L-Aum Shinrikyo kien twaqqaf fuq il-bażi li ‘l-umanità qed tistenna l-aħħar tad-dinja u li persuni li mhumiex membri tas-setta għandhom jispiċċaw l-infern dment li ma jinqatlux mis-segwaċi ta’ Asahara’.
//= $special ?>

