Is-Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN) fi stqarrija esprimiet solidarjetà mal-ħaddiema klerikali u tas-sigurtà li jaħdmu fl-isptar Mater Dei mal-kuntrattur. Dawn il-ħaddiema jagħmlu l-istess xogħol bħall-ħaddiema kollegi tagħhom impjegati tal-Gvern fl-istess sptar, iżda l-kundizzijonijiet tagħhom huma ferm differenti.
L-SĦPN qalet li dawn il-ħaddiema għandhom il-futur tagħhom mhedded għax mill-kuntrattur preżenti se jgħaddu taħt kuntrattur ġdid u ġew infurmati li mhux se jibqgħu jipparkjaw b’xejn bħal ma kienu jagħmlu s’issa, u bħalma jagħmlu l-ħaddiema kollegi tagħhom.
Qed jintalbu jħallsu €47 fix-xahar biex jipparkjaw jew €564 f’sena.
L-SĦPN tistaqsi lill-Gvern għaliex dawn il-ħaddiema mhux stmati daqs ħaddiema oħrajn fl-istess post tax-xogħol. Għaliex dawn il-ħaddiema ma ġewx infurmati minn qabel b’dan it-tibdil minn kumpanija għall-oħra? Dan għaliex dawn il-ħaddiema u l-familji tagħhom issa se jkollhom iġorru l-piż ta’ spiża żejda.
//= $special ?>