Mietu ‘il fuq minn 20 persuna wara li dgħajsa tal-passiġġieri nqalbet u għerqet, waqt il-maltemp, ‘il hinn mill-gżira ta’ Phuket. Intant, għexieren ta’ passiġġieri oħra għadhom neqsin meta għaddejjin l-impenji intensivi ta’ search and rescue fiz-zona fejn għerqet id-dgħajsa.
Il-parti kbira fost il-105 passiġġier tad-dgħajsa kienu Ċiniżi u l-bugħaddsa qed ifittxu fil-partijiet mgħarrqin tad-dgħajsa, li jisimha ‘Phoenix’, bil-għan li jsibu aktar passiġġieri ħajjin.
Intant, ir-rapporti qalu li sajjieda fuq trawler irnexxielhom isalvaw 48 passiġġier mill-baħar, waqt li passiġġiera oħra ttellgħet ħajja, flimkien ma’ diversi katavri ta’ vittmi, mis-sit tal-inċident traġiku.
Kien hemm ukoll inċident simili, fejn inqalbet dgħajsa oħra b’numru ta’ passiġġieri — fil-parti kbira turisti mill-Ewropa. Dan l-inċident seħħ fl-istess ħin tat-traġedja bil-‘Phoenix’ u l-aħħar rapporti qalu li salvaw 40 persuna ‘fost il-paniku l-kaos’.
L-awtoritajiet Tajlandiżi issa ħarġu direttivi għal investigazzjoni dwar ‘ir-raġuni għalfejn id-dgħajjes ħarġu xorta fuq il-baħar minkejja d-diversi twissijiet dwar il-maltemp’.
//= $special ?>

