Il-Gvern, permezz tal-Ministeru ta’ Ian Borg, ħareġ sejħiet għall-offerti dwar il-proġett tal-bypass ta’ Ħ’Attard meta l-pjanti tal-proġett għadhom lanqas biss tlestew.
F’rappurtaġġ mill-website tal-aħbarijiet tal-PBS, intqal li l-Ministru tat-Trasport Ian Borg qal li l-Gvern irċieva ħames offerti għal dan il-proġett, li ntefgħu minn kuntratturi differenti.
Il-Ministru Ian Borg ftaħar li l-offerti mitfugħa jiswew inqas mill-budget allokat għal dan il-proġett. Madanakollu, persuni li tkellmu ma’ NET News staqsew kif jista’ jkun li l-kuntratturi taw il-prezzijiet tagħhom meta l-pjanti għal dan il-proġett lanqas biss għadhom tlestew.
“Huwa evidenti li l-offerti li l-Gvern qed jiftaħar li rċieva sa issa huma bbażati fuq pjanti li aktarx se jkunu qed jinbidlu,” qal osservatur lil NET News.
Filfatt, dan hu kkonfermat ukoll mill-fatt li ma’ TVM, il-Ministru Ian Borg qal li l-Gvern – permezz tal-aġenzija ‘Infrastruttura Malta’ – se jkun qed jagħmel aktar diskussjonijiet fuq dan il-proġett mal-entitajiet u l-indivdwi kollha konċernati.
Dan ifisser li jew mhux veru se jsiru aktar konsultazzjonijiet; jew inkella se jsiru aktar konsultazzjonijiet iżda se l-prezzijiet tal-offerti se jkollhom jinbidlu peress li l-pjanti għadhom mhumiex finali.
Fuq kollox, persuni oħra li tkellmu ma’ NET News staqsew kif jista’ l-Gvern jevalwa l-aħjar offerta jekk il-pjanti għadhom mhumiex lesti; u jekk ladarba l-pjanti jkunu finali, il-Gvern hux se jippermetti li jiddaħħlu offerti ġodda.
Il-proġett, li l-Gvern laqqmu ‘Central Link’ se jkun qed jara l-bini ta’ bypass f’Ħ’Attard – f’lok fejn bħalissa hemm għelieqi privati u qrib ħafna ta’ djar ta’ residenti minn Ħ’Attard.
Filfatt, il-pjan tal-Gvern qanqal kontroversja liema bħalha, b’numru kbir ta’ residenti u għaqdiet ambjentali mhux biss jappellaw biex ikunu kkunsidrati alternattivi, iżda jakkużaw ukoll lill-Gvern b’arroganza minħabba l-mod kif qed jiġu trattati.
//= $special ?>