Internazzjonali

PANAMA PAPERS: Il-Prim Ministru tal-Pakistan kundannat 10 snin ħabs

Qorti fil-Pakistan ikkundannat lill-eks Prim Ministru Pakistani, Nawaz Sharif, għal għaxar snin ħabs b’konnessjoni ma’ akkużi dwar il-korruzzjoni li huma relatati ma’ erba’ appartamenti lussużi f’Londra, il-kapitali tar-Renju Unit.

Il-qorti tal-Bureau Nazzjonali (Pakistana) għall-Kontabbiltà kkonfermat il-verdett wara sensiela ta’ posponimenti, bit-tifla ta’ Sharif, Maryam Nawaz Sharif, tingħata sentenza ta’ seba’ snin priġunerija.

Intant, Safdar Awan, l-iben tar-rispett ta’ Nawaz Sharif, weħel sena ħabs.

Il-ħruġ fil-pubbliku, fl-2015, tad-dokumenti magħrufa bħala l-Panama Papers – li kixfu l-attivitajiet finanzjarji moħbija tal-politiċi u persuni oħra influwenti – żvela, fost oħrajn, li uħud minn ulied Nawaz Sharif kellhom konnessjoni mal-kumpanniji offshore li allegatament intużaw għat-trasferiment ta’ fondi u biex jinxtraw assi lussużi (barra l-Pakistan) bħall-imsemmija apparamenti fiz-zona ta’ Park Lane.

Għalkemm il-familja ta’ Sharif insistiet li hi kienet xtrat il-proprjetà bil-mezzi leġittimi, il-qorti ordnat, fost oħrajn, li l-appartamenti jkunu konfiskati għall-Gvern federali tal-Pakistan.

Nawaz Sharif qal li l-akkużi miġjuba kontra tiegħu kienu motivati minn aġenda politika. Dan meta hu u bintu kienu jinsabu f’Londra fejn Kulsoom Nawaz, il-mara tal-eks Prim Ministru Pakistani, qed tingħata trattament għall-marda tal-kanċer.

Sadanittant, l-Imħallef Mohammad Bashir ikkundanna lil Nawaz Sharif għal għaxar snin ħabs ‘bħala s-sid ta’ assi li l-valur tagħhom jaqbeż sew il-kapaċitajiet għall-introjtu (ta’ Sharif). L-eks Prim Ministru Pakistani weħel sena priġunerija addizzjonali talli ma koperax mal-Bureau; b’Sharif irid jiskonta ż-żewġ sentenzi separatment minn xulxin.

Maryam Nawaz Sharif spiċċat ikkundannata ‘talli appoġġjat it-twettiq ta’ reat’ filwaqt li weħlet sentenza ta’ ħabs separata għal sena wara li hi wkoll naqset milli tikkoopera mal-awtoritajiet investigattivi.

Fl-istess ħin, l-eks Prim Ministru Pakistani u Maryam Nawaz Sharif kienu mmultati l-ekwivalenti ta’ għaxar miljun ewro u 2.4 miljun ewro, rispettivament.

Ir-Renju Unit ma għandu l-ebda trattat għall-estradizzjoni formali mal-Pakistan, iżda parti mill-Extradition Act tal-2003 tippermetti għall-arranġamenti speċjali għall-estradizzjoni ta’ persuni taħt ċirkustanzi eċċezzjonali.

Il-kundanna ta’ Sharif, intant, kienet ikkonfermata ftit ġimgħat qabel l-elezzjoni ġenerali li se ssir fil-Pakistan fil-25 ta’ Lulju. Dan meta Nawaz Sharif hu projbit milli jikkuntesta għal din l-elezzjoni għan-nom tal-Partit tiegħu, il-PML-N taċ-ċentru-lemin.