Ambjent Lokali

Żewġ pari ta’ Spanjuletti din is-sena bejtu fil-Gżejjer Maltin; par f’Malta u par f’Għawdex

Il-par Spanjuletti li bejjet f’Malta kien osservat l-ewwel darba fl-24 ta’ Mejju u kien ikkonfermat li bejjet l-għada, meta ġiet lokalizzata l-bejta. Fiha kien hemm ħamest ifrieħ, li meta nstabu kellhom madwar ġimgħa. Is-sit fejn instabet il-bejta kien issorveljat b’mod regolari minn voluntier ta’ BirdLife Malta għal aktar minn erba’ ġimgħat sakemm il-frieħ kollha taru għall-ewwel darba mill-bejta.

Sadanittant, f’Għawdex l-istess voluntier ta’ BirdLife Malta sab il-bejta l-oħra fid- 19 ta’ Ġunju. Il-frieħ kienu diġà kibru sew. It-tieni żjara fil-post jumejn wara kkonfermat li fil-bejta kien hemm erbat ifrieħ li kienu qed ilestu biex itiru f’qasir żmien.

Tul il-perjodu kollu, iż-żewġ pari ta’ ġenituri kienu nnutati ġejjin u sejrin iġibu likel biex jitimgħu l-frieħ tagħhom. Il-priża kienet tinkludi għasafar (l-aktar Għasafar tal-Bejt, imma f’każ minnhom anke Bilbla), kif ukoll firien, xaħmet l-art, wiżgħa u Ġurat tar-Raba’. Meta l-frieħ kienu għadhom żgħar, l-adulti bdew jitimgħuhom billi jqattgħu l-ikel f’biċċiet żgħar biex ikunu jistgħu jibilgħuh. Imma aktar ma l-frieħ bdew jikbru, il-ġenituri bdew iħallu l-priża li jġibu fil-qiegħ talbejta biex il-frieħ jitgħallmu jieklu waħidhom.

L-Ispanjulett hu għasfur li jbejjet f’Malta li jista’ jiġi kkunsidrat bħala speċi skarsa. BirdLife Malta tinnota li t-tnaqqis fil-kaċċa illegali fuq din l-ispeċi fis-snin riċenti qed iwassal għal żieda fir-rekords ta’ Spanjuletti li jbejtu fil-Gżejjer Maltin.