Futbol Sport TAZZA TAD-DINJA 2018

Il-Kroazja terġa’ tirbaħ bl-għoti tal-penalties

Il-plejers tal-Kroazja joħorġu jiġru wara l-penalty ta' Ivan Rakitic (Ritratt: EPA)

Il-Kroazja eliminat lill-organizzaturi r-Russja 4-3 bl-għoti tal-penalties wara li l-partita sal-ħin barrani ntemmet 2-2. B’hekk il-Kroati għaddew għas-semifinali wara nuqqas ta’ 20 sena u se jilagħbu kontra l-Ingilterra fis-semifinali.

Il-kowċ Russu għamel bidla mir-rebħa kontra Spanja, b’Denis Cheryshev jibda flok is-sospiż Yuri Zhirkov. Il-Kroazja wkoll kellha bidla mir-rebħa kontra d-Danimarka b’Andrej Kramaric jibda flok Marcelo Brozovic.

Ir-Russja fetħet l-iskor fil-31 minuta meta DENIS CHERYSHEV ħabbat il-ballun ma’ Artem Dzyuba, avvanza u b’xutt mill-isbaħ għeleb lil Danijel Subasic.

Reazzjoni immedjata tal-Kroazja li tmien minuti wara ġabet id-draw, bi kross ta’ Mario Mandzukic għan-nofs fejn sab lil ANDREJ KRAMARIC li b’daqqa ta’ ras għar-rokna għeleb lil Igor Akinfeev.

Fit-tieni taqsima kien hemm ftit okkażjonijiet tad-deheb, iżda żgur li Ivan Perisic seta’ għamel ħafna aħjar mas-siegħa logħob meta minn pożizzjoni tajba x-xutt fil-baxx tiegħu stampa mal-wieqfa.

L-ebda tim ma sab il-gowl rebbieħ fit-tieni taqsima biex il-partita marret għall-ħin barrani. Kien fil-100 minuta li l-Kroazja kienet riesqa lejn ir-rebħa meta minn korner mil-lemin, għola tajjeb DOMAGOJ VIDA li għadda l-ballun qalb diversi plejers u għeleb lil Akinfeev.

Iżda r-Russi baqgħu jissieltu u fil-114-il minuta ġabu d-draw bi free-kick ta’ Alan Dzagoev mil-lemin, b’MARIO FERNANDES jidħol tajjeb u b’daqqa ta’ ras għar-rokna xellugija għeleb lil Subasic, biex hekk il-partita marret għall-għoti tal-penalties.

Beda Fedor Smolov li kellu l-penalty salvat minn Subasic. Marcelo Brozovic skorja għal Kroazja u Alan Dzagoev skorja għar-Russja. Iżda Igor Akinfeev salva x-xutt fil-baxx ta’ Mateo Kovacic. Madankollu Mario Fernandes ra x-xutt tiegħu jgħaddi barra biex Luka Modric għamilhom 2-1 b’mod fortunat. Sergei Ignashevich skorja għar-Russja u Domagoj Vida skorja għall-Kroazja. Daler Kuzyaev ħalla lir-Russja tittama iżda Ivan Rakitic skorja l-gowl deċiżiv.