Iż-żieda fl-inklużjoni kien is-suġġett ewlieni trattat mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar l-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità Maria Deguara u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Affarijiet Ewropej u Brexit David Stellini meta kienu qed jindirizzaw attività fl-Università ta’ Malta.
Huma kienu qed jitkellmu f’attività organizzata b’kollaborazzjoni bejn l-Erasmus u l-Inspire.
Id-Deputat Maria Deguara ffukat fuq il-qasam tad-diżabilità, fejn filwaqt li rrikonoxxiet il-kisbiet tal-aħħar snin fil-qasam tal-persuni b’diżabilità għar-rigward tal-edukazzjoni, l-isport, l-għixien indipendenti u x-xogħol, saħqet li xorta għad fadal ħafna xi jsir sabiex tonqos id-diskriminazzjoni li ħafna persuni b’diżabilità jħabbtu wiċċhom magħhom.
Maria Deguara qalet li tinnota li għad hemm persuni li għadhom isibu diffikultajiet minħabba diskriminazzjoni li jirrestrinġuhom milli jipparteċipaw b’mod sħiħ u attiv fis-soċjetà, u fuq kollox b’mod ugwali ma’ membri oħra tas-soċjetà.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat David Stellini ta ħarsa lejn il-programmi ta’ fondi Ewropej li b’xi mod iħeġġu l-inklużjoni u l-politika soċjali. Hu qal li bħalissa qed jiġu diskussi numru ta’ liġijiet li għandhom dimensjoni soċjali bħad-direttiva ‘Posting of Workers’ u l-‘Work-Life Balance’ li qed tiġi xprunata fil-Parlament Ewropew mill-MEP David Casa.
Stellini insista wkoll li importanti hu li kull persuna taċċetta lilha nnifisha kif inhi għax hekk biss ħaddieħor jista’ jaċċetta lilha. “B’dan il-mod inkunu qed ngħinu lilna nfusna insiru aktar fiduċjużi fina nfusna u nsiru aktar kaapċi nagħtu kontribut lill-komunità ta’ madwarna,” temm jgħid David Stellini.
//= $special ?>