Futbol Sport TAZZA TAD-DINJA 2018

L-Ingilterra fis-semifinali wara 28 sena b’gowl f’kull taqsima

Mix-xellug: Kyle Walker, John Stones u Jesse Lingard jiċċelebraw wara l-partita (Ritratt: EPA)

Wara nuqqas ta’ 28 sena, l-Ingilterra tinsab mal-aħħar erbgħa fit-Tazza tad-Dinja meta din id-darba għelbet lit-tim Żvediż 2-0 b’gowl f’kull taqsima. Logħba li fiha l-Ingliżi ħarġu rebbieħa meritatament hekk kif ikkontrollaw il-logħba, bl-Iżvezja tonqos li żżomm il-pussess tal-ballun.

Meta l-Iżvediżi urew sinjali pożittivi wara t-tieni gowl, kien il-gowlkiper bravu Jordan Pickford li salva tajjeb f’żewġ okkażjonijiet u evita tmiem drammatiku. Il-kowċ Janne Andersson għamel żewġ bidliet mir-rebħa kontra l-Iżvizzera. Emil Krafth ħa post is-sospiż Mikael Lustig, filwaqt li Sebastian Larsson irritorna f’nofs il-grawnd minn sospensjoni u beda flok Gustav Svensson.

L-Iżvezja ħolqot l-ewwel azzjoni wara 13-il minuta b’xutt minn barra l-kaxxa ta’ Viktor Claesson li għadda għoli. Sitt minuti wara waslet l-ewwel azzjoni denja b’Raheem Sterling iqassam lejn Harry Kane li prova mill-ewwel b’xutt fil-baxx li għadda ftit barra.

L-Ingilterra fetħet l-iskor man-nofs siegħa logħob meta minn korner mix-xellug ta’ Ashley Young, għola tajjeb HARRY MAGUIRE li b’daqqa ta’ ras b’saħħitha għeleb lil Robin Olsen. Qabel tmiem l-ewwel taqsima, l-Ingilterra kellha ċans kbir li tirdoppja.

Raheem Sterling irċieva ballun preċiż fit-tul u ġie wiċċ imb wiċċ ma’ Olsen, iżda l-gowlkiper Żvediż kien attent biex antiċipa l-ħsieb ta’ Sterling u mess il-ballun, bl-istess plejers jonqos li jikkonkludi, anki jekk seta’ qassam żewġ plejers oħra fil-kaxxa.

It-tim ta’ Janne Andersson kellu okkażjoni tajba fis-47 minuta li jagħmel l-iskor indaqs, meta minn kross mix-xellug kien Jordan Pickford li wettaq save mill-isbaħ biex ċaħħad daqqa ta’ ras ta’ Marcus Berg.

L-Ingliżi qraw it-twissija ta’ dan iċ-ċans u ħadu vantaġġ hekk kif irduppjaw fid-59 minuta. Jesse Lingard pinġa kross perfett lejn Dele Alli, bil-midfielder ta’ Tottenham jegħleb lil Olsen b’daqqa ta’ ras mill-qrib.

L-Iżvezja uriet sinjal li se tibqa’ fil-logħba b’ċans tajjeb tliet minuti wara, iżda Pickford kien attent u salva tajjeb xutt fil-baxx ta’ Viktor Claesson. L-istess Pickford reġa’ kien protagonist biex dawwar f’korner b’mod providenzjali xutt ċentrali ta’ Marcus Berg.

Aktar ma beda jgħaddi l-ħin, it-tamiet tal-Iżvezja bdew jonqsu, bl-Ingilterra tikkontrolla l-aħħar minuti.

Ikkummenta