Ftit sigħat wara li ħarġet l-aħbar li tilef ħajtu ż-żgħażugħ Olandiż Tim Scholten, morna fuq il-post fejn il-karozza Subaru Impreza telgħet fuq il-bankina u tajret lil tmien żgħażagħ, u hemmhekk tkellimna ma’ Maria Escalda, il-persuna li tat l-ewwel għajnuna lil Tim. Maria qaltilna li dalgħodu stess hi ltaqgħet mal-ġenituri taż-żagħżugħ li tilef ħajtu.
Spjegat kif dalgħodu hi rċeviet messaġġ mingħand oħt Tim stess, fejn talbet lil Maria li huma xtaqu jiltaqgħu magħha fuq il-post fejn seħħ l-inċident. Hemmhekk il-familjari ta’ Tim irringrazzjaw lil Maria, u anke qagħdu juruha ritratti u jitkellmu dwar binhom li tilef ħajtu. Maria spjegat ma’ NET News kif mir-ritratti Tim deher bniedem totalment differenti, u lanqas biss kien jintaraf mix-xeni li rat quddiema il-Ġimgħa kmieni filgħodu. Maria qalet li l-ġenituri tagħha spjegawlha kif Tim Scholten kien għadu student l-Università jistudja l-Ekonomija, u kien jidher żagħżugħ kwiet.
Ma’ NET News, Maria rrakkuntat x’ġara dakinhar hekk kif hi kienet għadha mqajma taħdem fuq xogħolha bħala DJ, meta mill-flat tagħha semgħet il-ħoss tal-inċident u niżlet tagħti l-ewwel għajnuna. Hemmhekk sabet lil tfajla oħra Norveġiża li ddeskrivitha bħala anġlu, hekk kif hi wkoll bdiet tagħti l-għajnuna liż-żagħżagħ. Mal-ewwel, Maria qalet li marret tagħti l-għajnuna lil Tim hi sabitu mal-art f’nofs ta’ triq miksi demm. Qalet li f’dak il-ħin aktarx li moħħu kien diġà sejjer lura, u meta jintmiss il-moħħ hu diffiċli ħafna li jinġib lura. Filfatt, Tim tilef ħajtu b’kaġun t’hekk.
Ftit mumenti wara li seħħ l-inċident il-Ġimgħa stess, emozjonata minn dak li għexet u rat, Maria kitbet fuq Facebook appell mill-qalb:
“Dan iż-żgħażugħ kien qiegħed fuq btala f’Malta – u spiċċa f’din il-kundizzjoni minħabba l-irresponsabbiltà ta’ bniedem li kien fis-sakra u saq”.
Madanakollu, kienu l-infermiera tal-ambulanza stess, li fuq il-post dewwew liż-żgħażagħ feruti, li qalu li Maria kienet eroj u rringrazzjawha talli użat il-kors li ħadet fl-ewwel għajnuna biex tgħin lil ħaddieħor.
Intant, is-sewwieq ta’ 20 sena minn Birkirkara ġie arrestat fuq il-post mumenti wara li l-Pulizija waslu fuq il-post. Fil-jiem li ġejjin hu mistenni li jitressaq il-Qorti, mhux biss taħt l-akkuża li saq taħt l-influwenza tal-akoħol u darab serjament lil numru ta’ żgħażagħ – iżda talli tilef ħajtu Tim kawża tal-inċident.
Minn naħa l-oħra, is-seba’ persuni l-oħra li sfaw vittmi tal-inċident huma kollha ta’ nazzjonalità barranija; fejn ġie ċċertifikat li ġuvni Ingliż ta’ 25 sena ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi ta’ natura gravi, tliet ġuvnitur Olandiżi u ġuvni Ingliż ġew iċċertifikati li sofrew ġrieħi ħfief, filwaqt li ż-żewġ nisa ma sofrew l-ebda ġrieħi.
S’issa l-familja ta’ Tim għadha ma tkellimtx mal-media, madanakollu sar magħruf li huma ddeċidew li jagħtu donazzjoni l-organi tat-tifel tagħhom lil nies fil-bżonn.
Ara l-filmati miġbuda dakinhar:
Aktar artikli relatati:
FILMAT: Tmien żgħażagħ jintlaqtu minn karozza li telgħet fuq il-bankina
//= $special ?>