Lokali

Ian Borg idur lejn l-Old Guards fil-Partit Laburista

Jaħtar lil Ronnie Pellegrini fir-rwol ta' Campaign Manager għat-tellieqafil-Partit Laburista

Għalkemm bl-aktar mod sottili, it-tellieqa għat-tmexxija tal-Partit Laburista għaddejja bl-aktar mod aggressiv minn taħt bil-kontendenti jużaw il-pożizzjoni tagħhom biex jivvantaġġjaw il-pretensjonijiet li għandhom, il-ħatriet sfaċċati li saru fil-ġimgħat li għaddew mill-Ministru Ian Borg, fosthom it-twarrib ta’ James Piscopo minn Transport Malta, huma kollha mmirati biex darba tiskatta b’mod uffiċjali t-tellieqa għat-tmexxija tal-Partit u tal-Gvern meta Joseph Muscat idabbar rasu, ikollu kollox f’postu u hekk ma jaħlix ħin fi tfassil ta’ strateġija.

Ħolqa importanti f’dawn il-manuvri hi l-ħatra ta’ Ronnie Pellegrini bħala ċ-Chief Operating Officer ta’ Transport Malta. Manuvra xejn mistennija tas-Super Ministeru Ian Borg li warajha hemm moħbija strateġija sħiħa.

Sorsi fil-Partit Laburista fissrulna li wara din il-ħatra hemm l-intenzjoni ta’ Ian Borg li jaqbad taħt idejh lill-General Workers’ Union u lill-media ‘indipendenti’ tagħha biex hekk ikun jista’ jilħaq b’mod aktar dirett lid-delegati li jixtru l-gazzetti tal-union.

Hu fatt magħruf li Ronnie Pellegrini li għal snin twal immilita fl-ogħla karigi tal-General Workers’ Union, għad għandu bosta kuntatti validi fl-istess GWU u għalhekk darba se jkun fit-tmun tal-kampanja tiegħu għal-leadership, allura żgur li se jkun qed juża l-influwenzi tiegħu fuq l-istess GWU biex jimbotta l-aġenda ta’ Ian Borg.

Dan jidher li diġà beda jdarras lill-kumplament ta’ dawk li se jtellqu miegħu għat-tmexxija tal-Partit, fosthom lill-Ewroparlamentari Miriam Dalli, lill-Ministru Chris Fearne u lill-Avukat Robert Abela.

Minkejja li huma wkoll għandhom in-niċeċ partikulari tagħhom u l-modi kif jistgħu jilħqu lid-delegati li se jkunu qed jivvutaw għall-ħatra tal-Mexxej wara t-tluq ta’ Joseph Muscat, xorta waħda jemmnu li Ian Borg b’Ronnie Pellegrini jista’ jieħu vantaġġ b’differenza fuqhom.

L-istess sorsi fil-Partit Laburista li tkellmu ma’ il-mument, fissru li b’Ronnie Pellegrini, Ian Borg se jkun qed jimmira li jilħaq ukoll lil dawk magħrufa bħala ‘Old Guards’ tal-Partit; lil dawk l-anzjani li aktar milli huma ta’ Joseph għadhom ankrati ma’ Duminku. Il-faxxa ta’ dawn fil-Partit ma hix waħda żgħira u tista’ tagħmel differenza favur l-istess Ian Borg.

Naturalment hemm imbagħad fost il-kompetituri ta’ Ian Borg, min se jkun qed jisfrutta favur tiegħu l-fattur ‘Ronnie Pellegrini’ li għandu passat mill-aktar kulurit fi ħdan il-Partit.

Hemm min jibqa’ jiftakar lil Ronnie Pellegrini bħala Laburist estremist sal-punt li jiġġustifika d-diskriminazzjoni mal-ħaddiema sempliċiment minħabba t-twemmin politiku tagħhom.

Oħrajn bl-isem ta’ Ronnie Pellegrini jiftakru kif dan, fiż-żmien, kien qisu d-dell tal-esk-Ministru Laburista Lorry Sant – protagonista assolut fi żmien Gvern Laburista tas-sebgħinijiet u t-tmeninijiet meta wkoll pajjiżna kien mifni bil-korruzzjoni u b’ħafna ħniżrijiet kbar li tebbgħu l-istorja ta’ pajjiżna.

Dawk li se jkunu qed jisfruttaw l-element ‘Ronnie Pellegrini’ żgur li se jkunu qed jenfasizzaw ukoll li b’Ian Borg marbut ma’ persuni bħal Ronnie Pellegrini u l-bella kumpanija, allura l-Partit Laburista jkompli jmur lura għas-sebgħinijiet u t-tmeninijiet.

Madankollu hu bl-aktar mod ċar evidenti li l-ħatra ta’ din il-ġimgħa, żvelata minn In-Nazzjon, ta’ Ronnie Pellegrini bħala Chief Operating Officer ta’ Transport Malta, tfisser imbottata oħra mill-Ministru Ian Borg li qed jifrex it-tapit tal-preparamenti tiegħu biex darba tibda t-tellieqa għal-leadership tal-Partit, allura jkun fil-pole-position fil-konfront ta’ kandidati oħrajn bħall-Ewroparlamentari Miriam Dalli, il-Ministru Chris Fearne u l-Konsulent Legali ta’ Kastilja Robert Abela.

Jekk James Piscopo – li twarrab minn Chairman u Uffiċjal Eżekuttiv ta’ Transport Malta – twarrab bil-pulit mill-istess Ministru Ian Borg wara li tal-ewwel beda jinnamra mal-kandidatura ta’ Miriam Dalli, issa postu mistennija jeħduh aktar minn persuna waħda fi rwoli differenti.

Ian Borg qatt ma stenna li James Piscopo jittradih fl-appoġġ għat-tellieqa tal-leadership tal-Partit Laburista, iżda darba ħarġet fiċ-ċar li James Piscopo – ħabib personali tal-Prim Ministru Joseph Muscat – kien se jsegwi x-xewqa ta’ Kastilja u jimbotta l-karru ta’ Miriam Dalli, allura s-Super-Minister Ian Borg ra kif għamel u qatagħlu rasu mill-kariga li kien jokkupa.

Din l-aktar manuvra reċenti ta’ Ian Borg biex jirbaħ it-tmexxija tal-Partit hi ħolqa oħra fis-sensiela ta’ manuvri li l-istess Ministru issa ilu jagħmel. Dan biex hekk minn underdog issa ftit ftit qed iressaq lejh esponenti varji tal-Partit, fosthom bħal Ronnie Pellegrini li bosta anqas biss iriduh ħabbata wara biebhom aħseb u ara kemm iridu jaħdmu miegħu minħabba l-estremiżmu tiegħu.

Isem Ronnie Pellegrini mhux biss ifakkar lil ħafna fil-mod kif kien jimmilita b’mod aggressiv meta kien jifforma parti mit-tmexxija tal-General Workers’ Union, iżda l-apiċe kien il-famuż messaġġ li hu kien kiteb fuq il-media soċjali meta kien stqarr li iva l-Laburisti għandhom ikunu ppreferuti fir-Residenza San Vinċenz de Paul.

Dak kien każ li jeħodna lura għas-sajf tal-2016 meta Ronnie Pellegrini kien iddikjara li hu favur id-diskriminazzjoni politika, u mhux talli jemmen fiha hu nnifsu, iżda talli nstiga li d-diskriminazzjoni għandha tkun fuq kull livell.

Dakinhar id-dikjarazzjoni ta’ Ronnie Pellegrini kienet imbarazzat kemm lill-Gvern ta’ Muscat, kif ukoll u bl-aktar mod dirett lill-Ministri Helena Dalli u Owen Bonnici.

Dakinhar ta’ dak l-inċident partikulari, sorsi qrib il-Ministru Owen Bonnici kienu qalu li l-istess Ministru Owen Bonnici sa mill-bidu nett ma kienx ħa gost li taħt id-dekasteru tiegħu kien se jkollu persuna bħal Ronnie Pellegrini. Dan mhux biss minħabba l-passat tqil tiegħu meta kien id-dell tal-eks-Ministru Lorry Sant, imma anki għaliex iservi ta’ widna għal Joseph Muscat u għalhekk bih ma’ riġlejh ma tantx iħossu liberu.

Bla dubju ta’ xejn li dik id-dikjarazzjoni li kien għamel Ronnie Pellegrini mhux biss li reġgħet kixfitlu l-maskra ta’ kemm kien estremist ilbieraħ, imma anki dwar kemm għadu estremist saħansitra llum il-ġurnata wkoll.

Dik id-dikjarazzjoni kienet biżżejjed biex, kieku kien serju, immedjatament ma kienx jibqa’ jifforma parti mill-Bord tal-Governanza Lokali dwar il-ħidma tal-Kunsilli Lokali.

Ma jistax ikollok fiduċja f’persuna tali li tiddikjara bla ebda mistħija li temmen fid-diskriminazzjoni u mbagħad tkun tokkupa kariga daqstant importanti fil-Bord tal-Governanza tal-Kunsilli.

Il-Ministru Owen Bonnici kien konxju minn dan iżda kellu jdejh marbuta għaliex l-istess Ronnie Pellegrini dakinhar kien meqjus fost l-aktar ta’ ġewwa fil-klikka tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Hu fatt magħruf ma’ kulħadd li Ronnie Pellegrini hu persuna magħrufa għall-partiġjaniżmu favur il-Partit Laburista u sakemm jagħlaq ħalqu u jagħmel xogħlu bis-serjetà ma hemm l-ebda problema, iżda li minn fuq baqa’ jaqbeż kull limitu, dan ma hux aċċettabbli.

Ronnie Pellegrini, id-dell tal-eks-Ministru Laburista Lorry Sant li ismu hu sinonimu mal-ħniżrijiet li saru mill-gvernijiet Laburisti tas-snin sebgħin u tmenin, sentejn ilu reġa’ mill-ġdid fl-aħbarijiet wara li kien stqarr li hu japprova d-diskriminazzjoni fil-postijiet tax-xogħol abbażi ta’ twemmin politiku.

Dakinhar f’kumment fuq il-Facebook Ronnie Pellegrini, li kien jokkupa wkoll il-kariga ta’ Chief of Staff tal-Ministru Helena Dalli li ironikament kienet il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, kien stqarr li iva l-Laburisti għandhom ikunu ppreferuti fir-Residenza tal-Anzjani San Vinċenz de Paul.

Hu kien għamel dik id-dikjarazzjoni wara li ftit qabel Denis Tanti, eks Assistent Direttur fid-Divizjoni tas-Saħħa, kien żvela diversi episodji ta’ aġir diskriminatorju minn Josianne Cutajar, li kienet il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz De Paul. Ronnie Pellegrini b’riferenza għal dak li qal Denis Tanti kien kiteb il-kliem: “Hekk għandu jkun !”

Ma kenux biss aktar ħaddiema li jservu f’San Vinċenz de Paul li dakinhar kienu wrew id-diżapprovazzjoni tagħhom għad-dikjarazzjoni ta’ Ronnie Pellegrini, filwaqt li kienu kkonfermaw ukoll li ripetutament Josianne Cutajar ma tiddejjaqx tmexxi b’mod diskriminatorju fost il-ħaddiema.

Bosta jibqgħu jiftakru tajjeb lil Ronnie Pellegrini fi żmien gvernijiet Laburisti ta’ Duminku Mintoff u Karmenu Mifsud Bonnici lura fis-snin sebgħinu fis-snin tmenin meta l-istess Ronnie Pellegrini kien jimmilita bis-sħiħ fil-Partit Laburista qrib ħafna tal-eks-Ministru Lorry Sant li ismu jibqa’ sinonimu ma’ ħafna ħniżrijiet li saru fl-istorja politika f’dawk is-snin.

 

Ronnie Pellegrini

Ronnie Pellegrini, li kien ukoll jokkupa diversi pożizzjonijiet għoljin fi ħdan il-General Workers’ Union, kien kunsidrat l-id il-leminija u d-dell tal-eks-Ministru Lorry Sant. Mhux biss attivist kbir, iżda għeruqu fil-Partit Laburista jmorru lura għall-1971 meta l-Partit rebaħ l-elezzjoni ġenerali.

Ronnie Pellegrini twieled il-Ħamrun fl-1 ta’ Frar tal-1955. Fl-1972 impjega ruħu mal-Bortex Clothing Industry Limited bħala Machine Operator. Aktar tard ingħata l-kariga ta’ Skrivan fis-Sales and Purchasing Department tal-istess kmpanija u fl-1982 inħatar bħala Personnel Officer.

Fil-Partit Laburista beda jinvolvi ruħu sa mill-1971 meta nħatar Assistent Segretarju tas-Sezzjoni tal-Ħamrun tal-Għaqda Żgħażagħ Soċjalisti u wkoll membru fil-Kumitat Eżekuttiv tal-istess Għaqda.

Fl-1976 Ronnie Pellegrini kien elett Segretarju Propaganda fl-Eżekuttiv tal-Għaqda Żgħażagħ Soċjalisti u fl-1977 sar Deputat Segretarju Ġenerali fil-Bureau tal-Għaqda u f’din il-kariga kien responsabbli mill-koordinazzjoni tal-ħidma tad-diversi sezzjonijiet tagħha mifruxa f’Malta u f’Għawdex.

F’Marzu tal-1978 hu nħatar Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Żgħażagħ Soċjalisti u fl-1983 kien elett President tal-istess Għaqda.

Fil-frattemp hu kien ilu sa mill-1978 membru fl-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista u serva b’mod attiv ħafna f’diversi karigi.

Sadattant hu kien involut bis-sħiħ ukoll fil-GWU tant li fl-1972 hu kien inħatar Shop Steward u delegat tal-union għall-ħaddiema tal-Bortex.

Fl-1978 kien elett President tat-Taqsima Tessuti, Ħwejjeġ u Ġild tal-GWU u għal kemm-il darba assuma wkoll id-dmirijiet u r-responsabbiltajiet ta’ Aġent Segretarju ta’ din it-Taqsima.

Kien ukoll membru fil-Kumitat Eżekuttiv ta’ din l-istess Taqsima kif ukoll membru tal-Kunsill Nazzjonali tal-GWU. Hu kien ġie elett għall-ewwel darbaf il-Kunsill Nazzjonali tal-GWU fl-1978.

Kariga oħra li okkupa fi ħdan il-GWU kienet dik ta’ Segretarju tat-Taqsima Port u Trasport fl-1996 wara li dik il-kariga kienet tbattlet minn Tony Zarb biex inħatar Deputat Segretarju Ġenerali.

Tliet snin wara, Ronnie Pellegrini l-ewwel ħareġ ‘bil-leave’ u eventwalment irriżenja minn dik il-kariga b’ittra li kien bagħat lill-istess Tony Zarb nhar it-18 ta’ Ottubru tal-1999. Ir-riżenja ta’ Ronnie Pellegrini mill-GWU kienet immaturat wara li hu u Tony Zarb ma kinux jaraw għajn m’għajn  u d-diżgwit bejniethom kien kompla skala wara l-azzjonijiet industrijali li l-GWU kienet ordnat fl-MIA u fil-Kalaxlokk fis-sajf ta’ dik is-sena.

Baħar imqalleb ieħor li għadda minnu Ronnie Pellegrini kien dak tal-2006 meta nqala’ mill-Eżekuttiv tal-Partit Laburista. Hu kien jokkupa l-kariga ta’ Segretarju Distrettwali tal-Partit Laburista fit-Tielet Distrett, iżda f’elezzjoni li kienet saret f’Ottubru tal-2006 hu kien ħareġ tellief.

Kapitlu ieħor fil-karriera movimentata ta’ Ronnie Pellegrini kienet dik tal-2009 meta waħda mill-ewwel deċiżjonijiet li kienet ittieħdet mill-amministrazzjoni l-ġdida tal-Partit Laburista kienet dik li Ronnie Pellegrini – impjegat tal-GWU  imma għal numru ta’ snin taħt it-tmexxija ta’ Alfred Sant misluf lill-Partit Laburista bis-salarju tiegħu mħallas mill-GWU – kellu jirritorna lura mal-union għaliex is-servizz tiegħu fil-Partit Laburista kien kunsidrat “mhux meħtieġ aktar”.

Wara numru ta’ snin fejn isem Ronnie Pellegrini bħal donnu għeb mix-xena politika, f’Ġunju tas-sena l-oħra u b’ħasda għal ħafna – inkluż għall-istess Dipartiment tal-Informazzjoni tal-Gvern – isem Ronnie Pellegrini reġa’ tfaċċa.

Id-Dipartiment tal-Informazzjoni fi stqarrija li kienet irtirata ftit tal-ħin biss wara, ħabbar li Ronnie Pellegrini kien iċ-Chief of Staff il-ġdid tal-Ministeru tal-Libertajiet Ċivili mmexxi minn Helena Dalli li kienet immedjatament iffaċċjata b’mistoqsijiet dwar dik il-ħatra ta’ Ronnie Pellegrini bħala Chief of Staff tal-Ministeru tagħha, iżda hi għażlet li tgiddeb lis-sit uffiċjali tal-Gvern u wieġbet li ma riditx tgħid x’qed jagħmel Ronnie Pellegrini fil-Ministeru tagħha.