Lokali

Imut l-Olandiż li ttajjar minn karozza fuq il-bankina f’San Ġiljan

Tim Scholten miet wara li nhar il-Ġimgħa kien qiegħed flimkien ma' sħabu miexi max-xatt, meta karozza telgħet fuq il-bankina u tajrithom

Fl-aħħar ħin għadha kif ħarġet l-aħbar li l-Olandiż li kien qiegħed jissielet mal-ħajja fit-taqsima tal-kura intensiva tal-Isptar Mater Dei, tilef ħajtu. Iż-żagħżugħ Tim Scholten ta’ 25 sena, tilef ħajtu llum wara l-bosta interventi li sarulu fl-Isptar Mater Dei.

Il-ġenituri taż-żagħżugħ jinsabu hawn Malta, u flimkien ħadu d-deċiżjoni li l-organi tiegħu jingħataw lill-pazjenti fil-bżonn. Scholten kien qed jistudja l-Ekonomija f’Tilburg University. Hu kien Malta fuq vaganza, infatti kien iħobb ħafna jivvjaġġa.

Kien għal ħabta tal-4:50 tal-Ġimgħa  filgħodu meta karozza tat-tip Subaru Impreza baqgħet tiela fuq il-bankina fi Triq Ġorġ Borg Olivier, viċin il-pitch tal-waterpolo ta’ San Ġiljan, fejn intlaqtu tmien persuni li kienu miexjin max-xatt fuq il-bankina. Il-karozza li kienet misjuqa minn żagħżugħ ta’ 20 sena minn Birkirkara waqfet hekk kif ħabtet maċ-ċinta mad-dawra tax-xatt.

It-tmien persuni li ttajru huma kollha ta’ nazzjonalità barranija; żewġ Ingliżi ta’ 25 sena, erba’ rġiel Olandiżi li l-età tagħhom tvarja bejn is-19 u l-25 sena, u żewġ tfajliet mill-Kroazja ta’ 23 u 21 sena. Iż-żagħżugħ ta’ 20 sena minn Birkirkara li kien qed isuq il-karozza, allegatament fis-sakra, ġie arrestat.