Internazzjonali

It-Turkija: Jitkeċċew aktar eluf ta’ ħaddiema qabel il-ġurament ta’ Erdogan

Il-Gvern Tork keċċa 18,000 ħaddiema oħra tal-Istat fl-aħħar azzjoni kontra allegati ‘elementi fi ħdanu li jridu jagħmlulu l-ħsara’ u b’konsegwenza tal-kolp ta’ stat fallut ta’ sentejn ilu fil-pajjiż.

L-azzjoni ttieħdet meta l-President Tork, Recep Tayyip Erdogan, għada, jieħu mill-ġdid il-ġurament bħala mexxej ta’ pajjiżu – din id-darba b’aktar poteri milli kellu qabel.

Intant, l-aħħar ħaddiema tal-Istat imkeċċija jinkludu suldati, pulizija u akkademiċi, bl-awtoritajiet Torok jiddeċiedu wkoll biex jagħlqu stazzjon tat-televiżjoni u tliet gazzetti.

Mindu falla l-kolp ta’ stat tal-2016 kontra Erdogan, il-Gvern Tork keċċa ‘il fuq minn 125,000 ħaddiem, filwaqt li introduċa amministrazzjoni ta’ emerġenza, fost kampanji ripressivi fil-konfront tal-media u l-Oppożizzjoni.

Sadanittant, it-tkeċċijiet jistgħu jkunu anki l-aħħar azzjoni ta’ dan it-tip mit-Tmexxija f’Ankara. Dan għaliex Erdogan – li x-xahar li għadda reġa’ kien elett bi 53 fil-mija tal-vot popolari – wiegħed biex ineħħi l-istat ta’ emerġenza attwali fil-pajjiż.

Skont il-bidliet kontroversjali għall-Kostituzzjoni tat-Turkija – li kienu approvati s-sena l-oħra waqt referendum – il-Parlament f’Ankara spiċċa mdgħajjef u bil-pajjiż iwarrab ukoll għar-rwol ta’ Prim Ministru.

F’din is-sitwazzjoni, il-President Erdogan se jkun jista’ jaħtar hu il-Ministri u Viċi-Presidenti tal-pajjiż, minbarra li jintervjeni personalment fis-sistema legali tat-Turkija.

Hu qed jinsisti li ż-żieda fl-awtorità tiegħu għandha tgħinu biex jindirizza l-problemi ekonomiċi tat-Turkija u biex pajjiżu jegħleb lir-ribelli Kurdi fl-artijiet Torok tax-xlokk.