F’Malta għaddej ċirku ta’ abbużi biex Libjani jidħlu f’pajjiżna bl-iskuża li se jistudjaw f’pajjiżna, iżda fil-verità jkunu qed jużaw l-isem ta’ skola biss biex tinħarġilhom il-visa għaliex fl-aħħar mill-aħħar dawn anqas qatt ma jirfsu l-għatba tal-istess skola.
Jirriżulta li Libjani qed iħallsu mas-€7,000 jew aktar fi ħlasijiet biex jinħarġulhom id-dokumenti meħtieġa biex setgħu jivvjaġġaw lejn Malta b’mod regolari bil-visa f’idhom. L-istess Libjani mbagħad jingħataw ammont ta’ flus lura milli jkunu ħallsu sempliċiment għaliex l-intenzjoni tagħhom ma kenitx li se jmorru fl-iskola biex jitgħallmu.
Sorsi li tkellmu ma’ il-mument u wrewna wkoll dokumenti b’timbru ta’ università barranija, qalulna li l-Libjani li kienu interessati li jidħlu f’Malta kellhom imorru l-Konsolat Malti fi Tripli jew inkella jagħmlu kuntatti ma’ terzi rjus kbar f’Malta biex imbagħad segwew l-istruzzjonijiet li ngħataw.
Fost l-oħrajn intalbu jimlew xi dokumenti u ntalbu wkoll jagħtu dettalji personali kif imniżżla fuq il-passaport tagħhom.
L-istess Libjani kienu jintalbu jħallsu ċirka €7,000 fi ħlasijiet amministrattivi u f’tixħim biex hekk setgħu jsirulhom l-arranġamenti kollha meħtieġa biex tinħarġilhom il-visa suppost għal skop ta’ studju.
Jirriżulta iżda li bosta minn dawn il-Libjani mhux biss qatt ma rifsu l-għatba tal-istituzzjoni internazzjonali, iżda użaw biss ix-Schengen Visa biex minn Malta dabbru rashom lejn destinazzjoni oħra fl-Ewropa.
Ta’ min jgħid li mill-ġdid fuq l-aġenda internazzjonali, b’mod partikulari dik Ewropea, fil-jiem li għaddew reġa’ tqajjem id-diskors dwar kif Kastilja ħarġet xejn inqas minn 88,000 Schengen Visa fit-territorju Libjan.
Qed jitqajmu bosta mistoqsijiet fil-konfront tal-Gvern ta’ Muscat, fosthom kemm verament sar skrutinju u eżerċizzju ta’ due diligence fir-rigward tal-ħruġ ta’ dawn ix-Schengen Visa b’tali mod li kulħadd jista’ jserraħ rasu li ma nħarġux Schengen Visa lil segwaċi tal-Istat Islamiku (ISIS).
Oriġinarjament kienet din il-gazzetta il-mument li bosta xhur ilu kienet żvelat il-ħruġ bl-addoċċ ta’ Schengen Visa fit-territorju Libjan u konna żvelajna wkoll kif ma kienx qed isir eżerċizzju serju ta’ due diligence bir-riżultat li f’pajjiżna – anki bi skuża ta’ raġunijiet mediċi – kienu qed jitħallew jidħlu f’pajjiżna nies li ħadd ma kien jaf tassew min huma.
Is-sitwazzjoni turbolanti fil-Libja wara l-waqgħa tar-reġim tal-eks-Kurunnell Muhammar al Qaddafi kienet wasslet għal gwerra ċivili li għadha għaddejja sal-lum.
Dan ix-xenarju kien instiga lil ħafna Libjani u oħrajn biex jaħarbu mill-pajjiż u jsibu refuġju f’xi pajjiż ieħor ġar, fosthom f’Malta u għalhekk splodiet l-applikazzjoni għall-kisba tax-Schengen Visa.
Kastilja kienet fost il-protagonista assoluta f’dak kollu li ġara f’dan ir-rigward, fejn saħansitra kienu nħarġu wkoll għexieren ta’ Schengen Visa lil Alġerini li spiċċaw qatt ma rifsu art pajjiżna.
Issa dan ix-xenarju kollu qed jerġa’ jittella’ għall-attenzjoni tal-iskrutinju Ewropew fejn saħansitra reċentement waqt laqgħa tal-Kumitat Parlamentari Ewropew għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern , il-Membru Slovakk Branislav Skripek tkellem b’ton aħrax fil-konfront tal-Gvern Malti ta’ Joseph Muscat.
Qal li l-Gvern Malti bejn l-2013 u l-2014 – jiġifieri ftit xhur biss wara l-waqgħa tar-reġim ta’ Muhammar al Qaddafi, Malta biegħet xejn inqas minn 88,000 Schengen Visa u Health Visa.
Branislav Skripek qal li: “a key person involved in the scandal was Neville Gafà, aide to the Maltese Prime Minister Joseph Muscat.”
Hu kompla jinsisti li sentejn ilu dan il-każ kien tqajjem ukoll minn Ivan Grech Mintoff, iċ-Chairman tal-Alleanza Bidla, li: “worked with refugees who drew his attention to the trafficking of Schengen visas. If you paid more, you were given a visa without any checks. Mintoff approached me as ECPM chairman and MEP to point this case out, as his life is in danger due to the revelations.”
L-Ewro-Parlamentari Slovakk kompla li: “The allegations have turned into a court case which was submitted in Malta on Monday, June 18th. My impression is that the government in Malta and the police are working to make the case disappear and not go to court.
“During a time when Europe is trying to strengthen its borders through increased security, if this allegation proves to be true, it could mean that many illegal immigrants have crossed into the Schengen zone area. This could raise doubts about who they were and what intentions they had.”
Reazzjoni immedjata għal dan l-intervent f’fora Ewropea, sar minn Nigel Farage, l-Ewro-Parlamentari Ingliż u eks-Mexxej tal-UKIP, li ċanfar lill-Gvern Malti ta’ Joseph Muscat għal dan iċ-ċirku ta’ nies perikolużi moħbija fil-bejgħ ta’ daqstant eluf ta’ Schengen Visa mingħajr skrutinju u eżerċizzju ta’ due diligence.
Nigel Farage staqsa jekk wara kollox il-Gvern Malti kienx biegħ ix-Schengen Visa lil terroristi li kienu stabbiliti fil-Libja u qal li: “an alleged racket continues to make international waves… Outrageous that the Maltese are selling EU visas in Libya. How many ISIS supporters are among that number?”
//= $special ?>