Ġimgħa minn meta daħlet fis-seħħ l-iskeda l-ġdida ta’ NET FM, l-istazzjon tar-radju tal-Partit Nazzjonalista, kien hemm reazzjoni mill-aktar pożittiva għall-programmi varjati li għandhom l-iskop li jilħqu firxa ferm aktar kbira ta’ semmiegħa.
Wara 25 sena ta’ Radio 101, mit-Tnejn li għadda l-Partit Nazzjonalista ta libsa ġdida lil dan l-istazzjon tar-radju biex b’mod aktar frisk, attwali u immedjat jilħaq firxa usa’ ta’ semmiegħa.
Il-moħħ wara l-pilotaġġ tal-iskeda l-ġdida hu Pierre Portelli, iċ-Chairman Eżekuttiv Ewlieni tal-media.link communications, li nhar il-Ġimgħa tkellem mill-ġdid ma’ il-mument dwar din l-iskeda u qalilna li kellu reazzjoni mill-aktar pożittiva mis-semmiegħa għall-cocktail il-ġdid ta’ programmi li bihom qed ikun maħsub li se jintlaħqu mhux biss ferm aktar semmiegħa, imma semmiegħa ta’ etajiet differenti.
Pierre Portelli enfasizza li l-ħsieb wara l-iskeda u d-dehra l-ġdida ta’ NET FM hi li l-Partit Nazzjonalista jkollu stazzjon tar-radju iżjed modern u kontemporanju kif jitolbu ż-żminijiet tal-lum.
Hu kompla li jieħu gost ħafna li jiltaqa’ ma’ semmiegħa tar-radju li jgħidulu li l-iskeda l-ġdida hi waħda friska u varjata b’tali mod li tolqot aktar il-gosti ta’ kulħadd. “Hu impossibbli li kulħadd ikun kuntent mija fil-mija, iżda l-almu tagħna hu li nilħqu firxa kbira ta’ semmiegħa li jisimgħu l-istazzjon tagħna u fl-istess ħin is-semmiegħa jkunu sodisfatti bil-prodott li nwasslulhom.”
Pierre Portelli fisser li din l-iskeda ppreżentata fuq NET FM hi frott ta’ studju tax-xejriet fost il-poplu Malti u Għawdxi skont l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika ta’ dawn l-aħħar ħmistax-il sena.
“Studjajna d-data biex naraw x’wassal biex Radio 101 tilef tant udjenzi bejn l-2003 u l-2018,” fisser Pierre Portelli li enfasizza li “minbarra f’rebranding, li essenzjalment hu eżerċizzju ta’ marketing fejn tkun aġġornata d-dehra u l-immaġini tal-prodott, qed nagħmlu wkoll eżerċizzju ta’ re-positioning fejn irridu li NET FM ikun popolari wkoll ma’ dawk li jaqgħu fil-faxxa ta’ tletin u ħamsin sena.”
//= $special ?>