Lokali

Oppożizzjoni pożittiva li tikkummenta u tressaq proposti għal soċjetà li jimpurtaha

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia intervistat fuq NET FM

‘Hawn nuqqas kbir ta’ impenn min-naħa tal-Gvern lejn is-settur tas-saħħa mentali. Gvern li qisu ħa d-deċiżjoni li jabbanduna l-aktar nies vulnerabbli, u dan meta l-Oppożizzjoni trid soċjetà li jimpurtaha.’, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt intervista fuq NET FM.

Adrian Delia qal li dan Gvern li m’għandux pjan għas-saħħa mentali u qed jispiċċa jabbanduna nies vulnerabbli. Dan wara li r-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-verifika tal-effettività tal-isptar Monte Karmeli wera biċ-ċar li l-Gvern m’għandux ħeġġa u lanqas pjan għas-settur tas-saħħa. Ir-rapport jgħid li l-kundizzjoni xejn aċċettabbli tal-isptar Monte Karmeli llum il-ġurnata hija riżultat tan-nuqqas ta’ impenn tal-Gvern lejn il-qasam tant sensittiv tas-saħħa mentali. Huwa qal ukoll li quddiem dan kollu l-Gvern għadu se jibda jiddiskuti u f’Monte Karmeli mhu se jissolva xejn qabel l-2023, wara l-elezzjoni ġenerali.

Adrian Delia qal li l-Ministru Chris Fearne kien iddikjara li s-settur tas-saħħa mentali qatt ma kien aħjar milli hu llum, iżda dan ir-rapport tal-Awditur Ġenerali sab li sakemm il-Gvern se jibqa’ bla pjan għal dan is-settur, kull investiment li jista’ jsir mhux se jħalli r-riżultat. Dr Delia qal li l-Gvern Laburista abbanduna l-pazjenti f’Monte Karmeli u minflok uża dan l-isptar sabiex jaqdi lil tal-qalba, fejn ħatar persuni mingħajr esperjenza f’dan il-qasam tant delikat, għaliex l-uniku kriterju kien li huma Laburisti.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li filwaqt f’Novembru li għadda l-istess Awditur Ġenerali f’rapport ieħor kien sab li fis-sistema tas-saħħa hemm waiting list ta’ 63,000 għall-ewwel appuntament, għandna sitwazzjoni fejn hawn 550 infermieri inqas. Din is-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ pjan fis-settur tas-saħħa qed twassal biex jiġu kkanċellati aktar minn 60 operazzjoni fix-xahar u għal dan kollu l-Gvern baqa’ ma sabx soluzzjoni mal-unjin tal-infermieri, l-MUMN. Fl-istess żmien meta l-Gvern qed iġib 10,000 immigranti fis-sena, ma ħasibx biex jimla l-bżonn ta’ dawn l-infermieri.

Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni tikkritika u tikkummenta iżda fl-istess ħin qed tkun ukoll oppożizzjoni pożittiva u tipproponi liġijiet għal soċjetà li jimpurtaha mis-solidarjetà. Huwa qal li l-Oppożizzjoni ressqet liġi ġdida biex jitneħħa l-ixkiel li hemm bħalissa biex persuna tagħti l-ewwel għajnuna lil persuna oħra li tkun f’periklu. Dan sabiex fil-liġi jidħol il-kunċett tal-Good Samaritan u tipprovdi li f’każ li persuna tgħin persuna oħra li tkun f’periklu, min jagħti l-għajnuna jingħata wkoll immunità minn responsabbilità ċivili u kriminali, mingħajr ma jitneħħa l-piż f’każ ta’ negliġenza.

Adrian Delia qal li filwaqt li l-Oppożizzjoni qed tkun pożittiva u tressaq proposti ġodda, l-Gvern li ma jismax issa mhux qed jara lanqas kif provi qed jiġu mbagħbsa fil-Qorti. Dan meta l-midja rrappurtat tliet każijiet fejn evidenza u dokumenti ġew imbagħbsa fil-Qorti saħansitra mill-istrongroom, li huwa meqjus bħala l-aktar post sigur. Huwa qal li dawn huma każijiet serjissimi u għalihom il-Ministru Owen Bonnici jrid iġorr ir-responsabbilità politika. Adrian Delia qal li jeħtieġ li n-nies jibqa’ jkollhom il-fiduċja fis-sistema ġudizzjarja ta’ pajjiżna u qatt m’għandna naslu fis-sitwazzjoni fejn tintilef din il-fiduċja fil-Qrati tagħna.