Internazzjonali

Periklu bla preċedent fil-Ġappun fost l-inżul ta’ xita rekord

Ir-residenti fiz-zoni lejn il-Punent tal-Ġappun li ilhom l-aħħar jiem mifnija bl-għargħar u l-valangi qattiela qegħdin jiffaċċaw periklu mingħajr preċedent, fost l-istennija għal aktar inżul ta’ xita li kapaċi jżid mas-sitwazzjonijiet katastrofiċi.

Uffiċjali f’dan il-pajjiż qalu li qatt ma raw maltemp daqshekk qalil, fost konferma li l-għargħar qed ikompli jaħkem f’numru ta’ distretti. Dan ukoll meta mietu ‘il fuq minn 60 persuna wara li l-inżul ta’ xita rekord faqa’ numru ta’ xmajjar f’Hiroshima u bnadi oħra. Intant, l-iskwadri għall-emerġenza f’Hiroshima għadhom qegħdin ifittxu għal persuni li għebu fl-eqqel tal-għargħar.

Filwaqt li ħarġet direttiva għall-evakwazzjoni ta’ żewġ miljun persuna, il-Prim Ministru Ġappuniż, Shinzo Abe, qal li l-iskwadri għall-emerġenza jinsabu għaddejjin ‘bi ġlieda ddisprata mal-ħin’. Shinzo Abe spjega li kien għad fadal ħafna persuni neqsin u li hemm ukoll ħafna oħrajn fi ħtieġa urġenti ta’ għajnuna.

Id-distretti u provinċji fil-Punent tal-Ġappun ilhom mill-Ħamis taħt dulluvju, meta hu kalkulat li niżlet tliet darbiet aktar xita mill-medja stabbilita għal dan iz-zmien tas-sena. Is-sitwazzjoni kkaġunat sensiela ta’ għargħar u valangi tal-art, bil-parti kbira tal-imwiet iseħħu fid-distrett ta’ Hiroshima.

Intant, hemm it-twissijiet għal aktar xita f’Hiroshima kif ukoll fil-belt ta’ Motoyama, b’uffiċjali mal-Aġenzija Meteoroloġika tal-Ġappun jikkonfermaw ‘iċ-ċirkustanzi attwali ta’ periklu estrem għall-poplu’.