Internazzjonali

Pompeo jippersisti lejn taħditiet għal denuklearizzazzjoni mal-Korea ta’ Fuq

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Mike Pompeo, ċaħad l-akkużi tal-Korea ta’ Fuq li hu ipprova jixpruna d-diplomazija ‘fuq stil mafjuż’ waqt l-aħħar negozjati li kellu fi Pyongyang. Intant, Pompeo qal li se jippersisti xorta bit-taħditiet għad-denuklearizzazzjoni tal-Korea komunista, waqt laqgħat li kellu mal-membri ewlenin tal-Gvernijiet tal-Ġappun u l-Korea t’Isfel.

Meta tkellem f’Tokjo, Mike Pompeo qal li fadal ħafna xi jsir iżda esprima wkoll fiduċja li l-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un, għandu jżomm mal-impenn biex iwarrab għall-armi nukleari. L-impenn ta’ Kim kien sar waqt is-summit storiku li kellu f’Singapore, ix-xahar li għadda, mal-President tal-Istati Uniti, Donald Trump.

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan għadu kemm ikkonkluda jumejn ta’ taħditiet fil-Korea ta’ Fuq u fejn hu, fl-aħħar sigħat, iltaqa’ mal-Ministru Ġappuniż għall-Affarijiet Barranin, Taro Kono, u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Korea t’Isfel, Kang Kyung-wha, biex jaġġornahom dwar is-sitwazzjoni.

‘Meta kelliminhom dwar id-denuklearizzazzjoni, huma ( il-Koreani komunisti) ma dehrux li kellhom il-ħerqa biex jirreżistu’, qal Pompeo, waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Tokjo. Sadanittant, hu ammetta li t-triq ‘il quddiem se tkun waħda diffiċli, ‘u li l-kritiċi se jippruvaw jimminimizzaw ix-xogħol kbir li sar s’issa ( fir-rigward tal-Korea ta’ Fuq)’.

Min-naħa tagħha, il-Korea ta’ Fuq kienet qalet, fi tmiem il-ġimgħa, li l-jumejn ta’ taħditiet ma’ Pompeo ‘wasslu għal sitwazzjoni perikoluża li tista’ aktar taffettwa r-rieda ta’ Pyongyang għal denuklearizzazzjoni milli tikkonsolida s-sens ta’ fiduċja bejn il-Korea komunista u l-Istati Uniti’.