Lokali

Saħħet Hugo Chetcuti tinsab f’qagħda stabbli

Wara li lbieraħ kmieni filgħodu ġie rrappurtat li l-imprenditur Hugo Chetcuti sofra daqqiet ta’ sikkina fl-istonku, illum ġie rrapurtat li hu għadu jinsab f’qagħda stabbli.

Kollox ġara l-Ġimgħa filgħaxija, għall-ħabta tal-10:30 ta’ filgħaxija, b’rapporti jgħidu li l-aggressur għannaq lil Hugo Chetcuti qabel darbu bid-daqqiet ta’ sikkina.

Matul l-istess lejl saret operazzjoni maġġuri fl-isptar Mater Dei fejn għal ħin twil, Chetcuti nżamm fit-taqsima tal-kura intensiva. Is-Sibt kmieni waranofsinhar, saħħet Hugo qalbet għall-aħjar.

Hekk kif il-Pulizija marru fuq il-post fejn seħħ l-attentat fuq ħajjet Hugo Chetcuti, fi Triq Santa Rita kantuniera ma’ Triq San Ġorġ, huma sabu li l-aggressur kien ħarab minn fuq il-post.

Aktar tard, il-Pulizija qabdu lill-allegat aggressur f’Tas-Sliema u kellha tuża taser biex tikkontrolla lis-suspettat hekk kif m’obdiex l-ordnijiet tagħha. Hu saħansitra fera xi Pulizija meta kienu qed jipprovaw irażżnuh.

L-aggressur Serb ta’ 35 sena, Bojan Cmelik qed jinżamm arrestat wara li fil-Qorti tressqu akkużi ta’ attentat ta’ qtil.