Formula 1 Sport

Sebastian Vettel jirbaħ il-Grand Prix tal-Gran Britannja

Sebastian Vettel jiċċelebra bit-trofew (Ritratt: EPA)

Sebastian Vettel kiseb ir-raba’ rebħa tal-istaġun wara li rebaħ il-Grand Prix tal-Gran Britannja fiċ-ċirkwit ta’ Silverstone. Din kienet l-ewwel rebħa għall-Ferrari mill-2011 u b’din ir-rebħa, Vettel saħħaħ postu fil-quċċata tal-klassifika tas-sewwieqa.

Lewis Hamilton rnexxielu jtemm fit-tieni post minkejja inċident ma’ Kimi Raikkonen fil-bidu tat-tiġrija li wassal biex spiċċa fl-aħħar post. Il-Britanniku kellu vantaġġ wara li fit-33 dawra ħarġet is-Safety Car minħabba inċident ta’ Marcus Ericsson.

Dan wassal għal taqtigħa bejn is-sewwieqa tal-Ferrari u l-Mercedes, b’Vettel jirnexxielu jaqbeż lil Bottas ħames dawriet mit-tmiem, bil-Finlandiż jinqabeż ukoll minn Hamilton u Raikkonen. Bottas ikkuntenta bir-raba’ post qabel Daniel Ricciardo.

Fil-Klassifika tas-Sewwieqa, Vettel issa għandu 171 punt, tmienja aktar minn Lewis Hamilton. Kimi Raikkonen tela’ fit-tielet post b’116-il punt, segwit minn Daniel Ricciardo b’106 punti u Valtteri Bottas b’104 punti. Il-Grand Prix li jmiss issir fit-22 ta’ Lulju fiċ-ċirkwit ta’ Hockenheim fil-Ġermanja.