Lokali

Tarbija tindifen bi żball

Maġistrat ordna li t-tarbija midfuna bi żball terġa' tinqala' minnufih u tinġieb mill-ġdid fil-Kamra Mortwarja tal-Isptar Mater Dei

Filwaqt li għat-tieni darba lbieraħ saret id-difna ta’ tarbija li twieldet b’mod prematur wara li bi żball kienet diġà ndifnet aktar kmieni din il-ġimgħa minkejja li fuqha kellha ssir awtopsja, il-Pulizija qed tissokta tinvestiga dan il-każ serju.

Il-Ministeru tas-Saħħa tard nhar il-Ġimgħa waranofsinhar kien kostrett joħroġ stqarrija xotta ta’ ħames linji biex ikopri xturu wara li kien magħruf li din il-gazzetta, il-mument, kienet qed tinvestiga dan il-każ serju ta’ tarbija li kienet indifnet bi żball aktar kmieni din il-ġimgħa mill-Kamra Mortwarja tal-Isptar Mater Dei.

Mhux magħruf x’wassal għal dan l-iżball serju, għalkemm hemm probabbiltà kbira li bdil fit-tikketti mal-katavru tat-trabi seta’ wassal biex inqabdet u ndifnet it-tarbija żbaljata.

Minkejja dan il-każ serju l-Gvern, tramite l-Ministeru tas-Saħħa, ma ħassx il-bżonn immedjat li joħroġ xi tip ta’ stqarrija jew dikjarazzjoni biex jiċċara l-fatti misturi u kien kostrett jagħmel dan biss nhar il-Ġimgħa filgħaxija meta il-mument kien qed isegwi l-iżviluppi dwar dak li kien ġara fil-jiem ta’ qabel fejn kollox inżamm f’ħabi totali.

Sorsi fil-Kamra Mortwarja li nhar il-Ġimgħa filgħodu tkellmu ma’ il-mument żvelaw magħna li dwar dan il-każ serju hemm saħansitra waħda mill-kollegi tagħhom sospiżi. Din l-impjegata, li tagħmel xogħol ta’ Assistenta fid-Dfin, intalbet biex għalissa ma tirrapportax xogħol. Dan il-fatt kien konfermat ukoll fl-istqarrija xotta tal-Gvern.

Minn informazzjoni li ngħatat lil il-mument jirriżulta li l-każ jirrigwarda żewġt itrabi li twieldu b’mod prematur qabel iż-żmien fl-Isptar Mater Dei u twieldu mejta. Dawn l-imwiet seħħew fil-bidu ta’ din il-ġimgħa.

Iż-żewġt itrabi mejta ttieħdu fil-Kamra Mortwarja tal-Isptar Mater Dei u minnufih bdew isiru l-arranġamenti għad-difna, liema arranġamenti huma xi ftit differenti mis-soltu funeral (l-aħħar tislima) li tingħata lil mejjet.

Jirriżulta skont is-sorsi tagħna fil-Kamra Mortwarja li fir-rigward ta’ waħda mit-trabi – f’dan il-każ tarbija tifel – intalbet li ssir awtopsja biex tkun magħrufa r-raġuni tal-mewta.

Filwaqt li ż-żewġ katavri tat-trabi tpoġġew fil-friża separati minn xulxin, iżda fil-Kamra Mortwarja, jirriżulta li fir-rigward tat-tarbija li ma kien hemm l-ebda talba għal xi awtopsja, l-arranġamenti tad-difna baqgħu għaddejjin b’mod regolari sal-punt li saret id-difna f’qabar fiċ-ċimiteru ta’ Ħaż-Żebbuġ.

Sadattant meta f’nofs din il-ġimgħa t-tim mediku bl-inklużjoni tal-patoloġista, kien qed iħejji biex jagħmel l-awtopsja fuq il-katavru tat-tarbija li dwarha kien hemm din l-ordni, sar magħruf li din ma kenitx l-istess tarbija indikata għall-awtopsja.

Hawnhekk issejħu l-Uffiċjali tal-Kamra Mortwarja u fil-friża ma nstabu l-ebda trabi oħra. Malajr intebħu li fil-verità kienu rrilaxxaw tarbija b’oħra għad-difna u t-tarbija li fuqha suppost kellha ssir l-awtopsja, fil-fatt kienet inħarġet u ndifnet diġà.

Hawnhekk inqala’ paniku u sa ċertu punt argumenti bejn il-partijiet u bil-każ kienu infurmati wkoll il-Pulizija u saħansitra anki l-Maġistrat tal-Għassa li ordna li ssir inkjesta.

Invista tal-iżball goff li sar ta’ difna b’oħ, u invista tal-fatt li fuq il-katavru l-midfun suppost saret awtopsja, il-Maġistrat tal-Għassa ordna li t-tarbija midfuna terġa’ tinqala’ minnufih u tinġieb mill-ġdid fil-Kamra Mortwarja tal-Isptar Mater Dei.

Jirriżulta li saru immedjatament l-arranġamenti kollha meħtieġa u taħt l-iskorta u l-għassa tal-Pulizija, inqalgħet it-tarbija midfuna, ittieħdet mill-ġdid fil-Kamra Mortwarja u nhar il-Ġimgħa filgħodu saret l-awtopsja fuqha… liema awtopsja suppost li kellha ssir jiem qabel.

il-mument tinsab infurmata li l-ġenituri ta’ waħda mit-trabi involuti f’dan il-każ serju kienet infurmata b’dak li ġara. Mhux magħruf jekk il-ġenituri tat-tarbija l-oħra – dik li suppost kellha tindifen u ma ndifnitx – kenux magħrufa bil-każ.

Sadattant l-awtoritajiet tal-Isptar Mater Dei ħarġu ordni ta’ sospensjoni mix-xogħol lil Assistenta tad-Dfin li qed jiġi allegat li kienet responsabbli minn dan l-inċident serju. Il-Pulizija għadhom għaddejjin bl-investigazzjonijiet tagħhom dwar dak kollu li ġara.

Fl-istqarrija tal-Ġimgħa, il-Ministeru ta’ Chris Fearne qal li kienet varata inkjesta dwar dan l-inċident serju. Il-Ministeru ammetta li hu kien mgħarraf b’dan l-inċident fil-jum tal-Ħamis li għadda, jiġifieri aktar minn 24 siegħa qabel ma nħarġet l-istqarrija uffiċjali tal-Gvern.