Kummerċ Lokali

Tariffi ferm ogħla għall-industrija tal-kostruzzjoni

Il-kuntratturi li tkellmu ma' il-mument fissru li mit-tariffi attwali qed jingħad li se jogħlew b'mija fil-mija

Kuntratturi fil-kostruzzjoni qed jiffaċċjaw problemi serji fejn jiddisponu mill-iskart tal-kostuzzjoni darba jbattlu siti fejn ikun qed isir tħammil jew bini.

Sadattant il-kuntratturi huma mgħarrfa li qed isiru arranġamenti ma’ barrieri fil-privat biex ikunu jistgħu jibdew jarmu l-iskart tal-kostruzzjoni li jkollhom f’dawn il-barrieri.

Kuntratturi li tkellmu ma’ il-mument qalulna li filwaqt li bħalissa kollox hu ffriżat u ma jistgħux jiddisponu minn trakkijiet bi skart tal-kosruzzjoni, li jafu fiċ-ċert hu li darba jerġgħu jibdew jipprovdu dan is-servizz, allura se jkollhom iħallsu tariffi ferm u ferm ogħla minn dawk li qed iħallsu fil-preżent.

Il-kuntratturi li tkellmu ma’ il-mument fissru li mit-tariffi attwali qed jingħad li se jogħlew b’mija fil-mija biex hekk tunnellata skart tal-kostruzzjoni se tiġi tiswa mal-€10. Dan ifisser li jekk fil-preżent kienu jħallsu mal-€150 biex jarmu trakk bi tletin tunnellata ġebel, bricks u radam, issa se jkollhom jibdew iħallsu d-doppju – €300.

Dawn il-kuntratturi żiedu li bla dubju ta’ xejn li dawn il-prezzijiet ogħla se jispiċċaw mgħoddija fuq il-konsumatur fejn allura s-servizzi fil-kostruzzjoni se jkomplu jogħlew fil-prezzijiet.

Dawk li tkellmu ma’ il-mument żiedu li hu stat ta’ fatt li fil-pajjiż bħalissa hawn problema serja ta’  nuqqas ta’ spazju fejn jintrema’ l-iskart tal-kostruzzjoni. Ftit tal-jiem ilu kien ingħad li barriera abbandunata fis-Siġġiewi kienet se tibda tilqa’ l-iskart tal-kostruzzjoni fiha, iżda sal-lum minn dan kollu ma daħal xejn fis-seħħ minħabba li nstab li dik kienet barriera mixtrija mill-privat.