Lokali Qorti

Tifla ta’ 13-il sena toffri lil raġel lill-ħabiba tagħha għas-sess, bi tpartit ma’ mobile

Ir-raġel akkużat tressaq il-Qorti llum

Tifla ta’ 13-il sena aċċettat li tipprostitwixxi lill-ħabiba tagħha lil raġel ta’ 37 sena bi tpartit ma’ mobile.

Quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia, il-Ħadd filgħodu tressaq Mohammed Abdullah Musa, akkużat bi stupru u prostituzzjoni ma’ minorenni. Mill-evidenza mressqa mill-prosekuzzjoni, ġie allegat li r-raġel mis-Sudan ġie kkuntattjat minn tifla ta’ 13-il sena minn fuq Facebook fejn hu qabel li jixtrilha mobile u bi tpartit hu jkollu rapport sesswali ma’ ħabiba tagħha.

Allegatament, Mohammed Abdullah Musa ltaqa’ maż-żewġt itfal il-ġimgħa li għaddiet f’garaxx fil-Ħamrun, li fih kien qed jgħix – fejn hemmhekk kellu x’jaqsam b’mod intimu mat-tnejn li huma.

Intant, l-akkużat ta’ nazzjonalità Sudaniża ltaqa’ mat-tifla li organizzat dan it-tpartit aktar kmieni, fejn hemmhekk ir-raġel ta l-mobile mwiegħed lit-tifla.

Fil-Qorti wkoll ingħad mill-uffiċjal tal-prosekuzzjoni Joanna Piscopo, li waqt l-istupru, it-tifla bdiet tirreżisti, tbati u anke tagħti bis-sieq lir-raġel mis-Sudan fejn ħabba f’hekk waqaf milli jkompli bir-rapport sesswali.

Il-Pulizija saru jafu bil-każ minn carer li kienet tieħu ħsieb lit-tfal f’istitut li fih kienu jgħixu.

L-avukat difensur Jason Grima fil-Qorti qal li kien sorpriż kif it-tifla, li allegatament organizzat il-prostituzzjoni minn fuq Facebook, ma tresqitx il-Qorti wkoll. Hu żied jgħid li din it-tifla għandha passat b’imġieba ħażina, u li kien hemm numru ta’ rġiel oħra li waqgħu għan-nassa tagħha. Kien hawnhekk fejn l-avukat kwota serje ta’ każijiet oħra fejn l-istess tifla talbet pagamenti ta’ €50 lil irġiel oħra għall-prostituzzjoni.

Madanakollu, il-Maġistrat Farrugia rrimarka li meta tavviċinak tifla ta’ 13-il sena fuq Facebook, taf x’għandek tagħmel – u ma jkollokx rapport sesswali magħha. Mohammed Abdullah Musa ċaħad l-allegazzjonijiet miġjuba kontrih, iżda t-talba tiegħu għall-ħelsien mill-arrest ma ġietx milquha – u għalhekk inżamm arrestat.