Is-sitwazzjoni fl-Isptar Monte Karmeli qed tkompli tmur għall-agħar – u minħabba n-nuqqas tal-Gvern li mhux jagħti prijorità lis-settur tas-saħħa mentali qegħdin isofru l-konsegwenzi l-pazjenti vulnerabbli, u anke l-ħaddiema.
Wara li ftit jiem ilu ħareġ ir-rapport mill-Awditur Ġenerali jistaqarr li s-sitwazzjoni qed tiddeterjora – issa anke l-gazzetta tal-General Workers Union, It-Torċa, qed tirrapporta fuq il-faċċata tagħha li s-sitwazzjoni fl-Isptar Monte Karmeli hi inaċċettabbli.
Iżda din id-darba, il-gazzetta tirraporta mhux biss dwar l-ilmenti tal-pazjenti, iżda dwar il-ħaddiema tal-kuntrattur li jaħdmu fl-isptar. Jidher li l-ħaddiema tal-kuntrattur qegħdin jgħidu kif il-ħlas li qed jirċievu għax-xogħol tagħhom mhuwiex skont ix-xogħol li fir-realtà qegħdin jagħmlu. Jiġifieri dawn il-ħaddiema qegħdin jallegaw li qed issir diskriminazzjoni magħhom.
Sezzjoni partikolari minn dawn il-ħaddiema qalu li huma qed jitħallsu tax-xogħol ta’ assistent skrivani, mentri fil-verità m’hemm l-ebda differenza bejn ix-xogħol li qed jagħmlu huma u dak li qed jitħallsu paga ta’ grad ta’ skrivan. Saħansitra qalu li d-diskriminazzjoni hi sfaċċata, hekk kif ta’ kuljum jaraw il-mod kif jitqassam ix-xogħol u kif dan jitqassam l-istess. Spjegaw kif din qed toħloq tensjoni bla bżonn fuq il-post tax-xogħol.
L-istess diskriminazzjoni qed tiġi rrappurtata fis-settur tal-kostruzzjoni u ristrutturar fl-isptar Monte Karmeli – hekk kif dan ix-xogħol qed isir minn ħaddiema li l-grad tagħhom ma jirriflettix in-natura tax-xogħol li qed jagħmlu dawn il-ħaddiema.
Din l-aħbar ħarġet ftit jiem wara li rapport tal-NAO mill-Awditur Ġenerali stqarr li l‑kundizzjoni mhix aċċettabbli li jinsab fiha preżentament l‑Isptar Monte Karmeli hija r‑riżultat tan‑nuqqas ta’ impenn mill‑Gvern ċentrali, fuq medda twila ta’ snin, lejn il‑qasam tas‑saħħa mentali.
Dan l‑istudju wera li l-Isptar Monte Karmeli, u konsegwentament is‑saħħa mentali f’Malta, għadhom jiġu kkunsidrati bħala ta’ prijorità sekondarja meta mqabblin mal‑kumplament tas‑settur lokali tas‑saħħa.
Ir-rapport qal li minbarra n‑nuqqas kbir fir‑riżorsi umani, partikolarment fil‑gradi tal‑infermiera, hemm ukoll ċertu tensjoni fir‑relazzjonijiet bejn il‑management u l‑impjegati ta’ dan l‑isptar, liema sitwazzjoni qed timmina l‑effiċjenza u l‑effettività tal‑operat tal‑isptar.
//= $special ?>