Internazzjonali

Dikjarata t-tmiem tal-gwerra bejn l-Etjopja u l-Eritrea

Il-Mexxejja tal-Etjopja u l-Eritrea ffirmaw dikjarazzjoni fis-sens li ‘intemmet l-istat ta’ gwerra li eżistiet bejn iż-żewġ pajjiżi’.

It-tragward hu wieħed sinifikanti peress li l-ftehim għall-paċi li kien ikkonkluda l-gwerra mal-fruntiera tal-1998-99 bejn iż-żewġ pajjiżi Afrikani qatt ma kien implimentat bis-sħiħ.

Intant, id-dikjarazzjoni ‘finali’ dwar it-tmiem tal-gwerra rriżultat minn laqgħa bejn il-Mexxejja tal-Etjopja u l-Eritrea li saret f’Asmara, il-kapitali tal-Eritrea.

Il-President tal-Eritrea, Isaias Afewerki, nhar il-Ħadd, laqa’ lill-Prim Ministru Etjopjan, Abiy Ahmed (f’Asmara) u fejn huma waslu għal dikjarazzjoni koġunta li tiddikjara li ‘spiċċa l-istat tal-gwerra li kien jeżisti s’issa bejn il-pajjiżi u li, minn issa, qed tibda era ġdida ta’ paċi u ħbiberija’.

Iż-żewġ pajjiżi, minn issa ’il quddiem, qed jimpenjaw ruħhom biex jaħdmu għall-promozzjoni ta’ koperazzjoni mill-qrib fl-oqsma politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali, filwaqt li jikkollaboraw f’aspetti ta’ sigurtà. L-Etjopja u l-Eritrea anki qablu biex jibdew mill-ġdid it-titjiriet filwaqt li jiftħu l-ambaxxati u jiżviluppaw il-portijiet flimkien.