Il-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdoğan ħa l-ġurament bħala mexxej ta’ pajjiżu u fejn se jeżerċita poteri akbar minn qabel f’pajjiż li hu ilu jiddomina għal 15-il sena.
Erdoğan se jmexxi Presidenza eżekuttiva li kien ilu jaħdem għaliha.
Il-Kabinett il-ġdid f’Ankara se jistinka biex jiżviluppa lit-Turkija f’waħda mill-akbar ekonomiji tad-dinja.
Il-President Tork, is-sena l-oħra, rebaħ ir-referendum biex id-demokrazija parlamentari f’pajjiżu tinbidel ma’ sistema li tibbaża fuq Presidenza b’saħħitha. Ix-xahar li għadda, Erdogan rebaħ ukoll l-elezzjoni ġenerali, li kkonfermatlu l-poteri eżekuttivi l-ġodda.
Il-partitarji ta’ Erdoğan iqisu l-mandat storiku bħala ‘premju’ għal Mexxej li xpruna l-ideali Iżlamiċi fit-Turkija u li bena numru ta’ ajruporti, sptarijiet u skejjel f’pajjiżu.
Iżda l-avversarji ta’ Erdoğan isostnu li l-poteri l-ġodda tal-President jirriflettu element awtoritarju, fost akkużi li l-President dgħajjef lill-istituzzjonijiet sekulari li kien waqqaf Mustafa Kemal Ataturk, il-fundatur tat-Turkija moderna, minbarra li biegħed lil pajjiżu mill-valuri tal-Punent, ibbażati fuq id-demokrazija u l-libertà tal-kelma.
//= $special ?>

