Iċ-champion renjanti Roger Federer jinsab mal-aħħar tmienja ta’ Wimbledon wara li għeleb lill-Franċiż Adrian Mannarino 6-0, 7-5, 6-4. Federer li għandu 36 sena dam siegħa u 45 minuta biex jirbaħ u issa jilgħab kontra Kevin Anderson tal-Afrika ta’ Isfel għada.
Din ir-rebħa fissret ukoll li l-Iżvizzeru issa rebaħ 32 set konsekuttiv f’Wimbledon, tournament li qed jittama li jirbħu disa’ darbiet biex jilħaq lil Martina Navratilova. Hu jinsab żewġ sets bogħod mir-rekord ta’ kull żmien ta’ bejn it-tielet rawnd tal-2005 u l-finali tal-2006.
L-isfidant l-ieħor Rafael Nadal għadda għall-kwarti tal-finali għall-ewwel darba mill-2011 b’rebħa kontra ċ-Ċek Jiri Vesely. In-numru wieħed tad-dinja rebaħ 6-3, 6-3, 6-4. Hu għadu fit-triq li jiltaqa’ ma’ Federer, fl-għaxar anniversarju tal-finali tal-2008. Nadal jilgħab kontra l-Arġentin Juan Martin del Potro jew Gilles Simon.
Intant fil-kompetizzjoni tan-nisa, Serena Williams tinsab mal-aħħar tmienja b’rebħa fuq Evgeniya Rodina. L-Amerikana rebħet 6-2, 6-2 u mal-aħħar tmienja tilgħab kontra t-Taljana Camila Giorgi.
//= $special ?>