Lokali

FILMAT: “Il-każi jiżdiedu ta’ tbagħbis u għajbien ta’ provi jnaqqsu l-fiduċja fil-proċess tal-ġustizzja” – Adrian Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista jgħid li dawn il-każi jitolbu li tintrefa’ r-responsabbiltà

L-ammont jiżdied ta’ każi rappurtati f’media diversi dwar għajbien u tbagħbis ta’ provi fil-Qorti stess, u issa anke fl-għases, ikompli jqanqal tħassib u dubji serji dwar il-proċess tal-ġustizzja f’pajjiżna li diġà qala’ daqqiet kbar fl-aħħar ftit snin. Jitolbu wkoll li xi ħadd jew xi wħud jerfgħu r-resposabbiltà.

Dawn kienu l-kummenti li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, hu u jkun intervistat fuq Net TV dwar l-aktar każ riċenti ta’ għajbien ta’ provi. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien qed ikun intervista mill-ġurnalist u preżentatur tal-programm Net Live, Robert Cremona.

Adrian Delia kkummenta b’mod partikolari dwar l-aħbar rappurtata minn diversi media lbieraħ u dalgħodu li dokumenti u evidenza f’każi fil-Qorti nsterqu fi żgass fl-għassa tal-Pulizija ta’ Tas-Sliema nhar il-Ġimgħa li għadda.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li żgass f’għassa diġà hu minnu nnifsu gravi, imma agħar minn hekk hu l-fatt li provi f’każijiet fil-Qorti għebu jew insterqu fi ġrajja li tkompli tnaqqas il-fiduċja diġà baxxa fil-proċess tal-ġustizzja.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni spjega li dan mhux każ waħdu u jkompli ma’ sensiela sħiħa ta’ għajbien u tbagħbis ta’ provi, fosthom il-provi f’każ ta’ traffikar ta’ 15-il blokka raża tal-kannabis għebu mill-istrongroom tal-Qorti; il-provi f’każ ta’ traffikar ta’ 18-il kilogramma kokaina ġew imbagħbsa tant li l-Gvern stess ammetta li bdew proċeduri kontra żewġ marixxalli tal-Qorti; f’każ ieħor ta’ droga – din id-darba ta’ pilloli ecstasy – il-provi ġew imbagħbsa wkoll fil-proċess tal-ġustizzja; u issa provi jgħibu fi żgass f’għassa tal-Pulizija.

Adrian Delia qal li dawn huma każi gravi fejn il-proċess tal-ġustizzja qed ikun korrott. Hu staqsa min se jerfa’ r-responsabbiltà fil-Gvern u x’fiduċja jista’ jkollhom in-nies fil-Qrati u fil-Korp tal-Pulizija jekk imqar mill-qalba tagħhom jgħibu provi f’każijiet gravi.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li dan it-tbagħbis u għajbien ta’ provi mill-Qrati u mill-għases jitfa’ dell skur ħafna fuq is-sistema tal-ġustizzja tagħna u sejjaħ biex pajjiżna jibni mill-ġdid il-fiduċja fis-sistema tal-ġustizzja li f’dawn l-aħħar ftit snin qalgħet daqqiet qawwijin.