Lokali Qorti

“Ħeqq, m’hemmx x’tagħmel”- Liam Debono meta qalulu li x’aktarx qatel lil Simon Schembri

“Ħeqq, m’hemmx x’tagħmel”. Din kienet it-tweġiba xokkanti li ta Liam Debono lil uffiċjali tal-Pulizija meta qalulu li seta’ qatel lill-Kuntistabbli Simon Schembri.

Dan ħareġ waqt ix-xhieda fil-kumpilazzjoni tal-każ kontra Liam Debono ta’ 17-il sena li jinsab akkużat bl-attentat ta’ qtil tal-Kuntistabbli Simon Schembri meta fil-15 ta’ Mejju li għadda, saq fuq il-Kuntistabbli u kaxkru għal diversi metri. Dan wara li Simon Schembri kien waqqfu f’Ħal Luqa minħabba li ma kienx liebes seat belt.  B’kollox, Debono qed jiffaċċja 47 kap ta’ akkuża li jinkludu hit and run, li saq karozza mingħajr polza tal-assigurazzjoni u pjanċi foloz.

Il-Qorti semgħet fost oħrajn kif il-pulizija fil-control room fil-Kwartieri Ġenerali semgħu lil Schembri jitlob il-liċenzja lis-sewwieq u l-karozza ssuq.

Kien is-surġent Christopher Debrincat mir-Rapid Intervention Unit (RIU) li qallu li x’aktarx qatel lil Schembri b’Debono jwieġeb “Ħeqq, m’hemmx x’tagħmel”.

Fix-xhieda tiegħu, il-Kuntistabbli Luke Ciangura qal li l-akkużat ma wera l-ebda ndiema għal għemilu.

Waqt il-kontroeżami mid-Difiża, Ciangura ċaħad li offenda lill-akkużat jew li heddu li joqtlu, li lwielu driegħu meta kien immanettjat u li uża t-taser fuqu. Hawnhekk, l-Ispettur Fabian Fleri fakkar li Liam Debono kien eżaminat minn tabib u ma kellu ebda marki ta’ taser.

Xehed ukoll it-tabib Mario Scerri li ddeskriva l-ġrieħi li sofra l-Kuntistabbli Schembri. Hu qal li ħwejjġu ttieklu għal kollox u l-kustilji kienu jidhru. Hu qal li idu ma setgħetx tiġi salvat u kellha ssirlu amputazzjoni ‘il fuq mill-polz.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Chantelle Casha u Fabian Fleri filwaqt li l-Avukat Franco Debono qed jassisti lill-akkużat.

Il-każ qed jinstema quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud.