Lokali

“Il-Gvern b’attakk fuq is-servizzi tas-sigurtà u tal-Qrati”

Il-Ministru Josè Herrera jaħtar eksklijent tiegħu Direttur tal-Konformità u l-Infurzar Ambjentali

Il-Gvern qed inawwar istituzzjonijiet importanti b’ħatra li tistabilixxi relazzjoni ta’ klijentela bejn il-Gvern u maħtur tiegħu. Il-Gvern qed jagħmel ukoll attakk fuq is-Servizzi tas-Sigurtà u fuq il-Qrati b’ħatra f’kariga għolja ta’ persuna li falliet il-kwalifiki tas-sigurtà, u dan bil-konferma tal-Qrati.

Hekk sostna il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Ambjent Jason Azzopardi fi stqarrija maħruġa b’reazzjoni għall-ħatra ta’ Mario Schembri bħala Direttur tal-Konformità u l-Infurzar Ambjentali.

Fl-istqarrija jingħad li l-istess Schembri falla l-approvazzjoni tas-Servizzi tas-Sigurtà meta kien uffiċjal tal-Armata.

Barra minn hekk, Mario Schembri kien għamel ukoll kawża kontra d-deċiżjoni tas-Servizzi tas-Sigurtà dwaru, li eventwalment tilifha. L-Avukat ta’ Schembri f’din il-kawża kien Josè Herrera, l-istess persuna li ħatar lill-eksklijent tiegħu.

L-istqarrija ssostni li kariga ta’ Direttur għandu jkollha awtorità, leġittimità u kompetenza. Minflok, il-Gvern ħatar lil Mario Schembri li m’għandu l-ebda kwalifika jew esperjenza ambjentali. Schembri nħatar bl-istess mod kif inħatru oħrajn, li l-unika kwalifika li jkollhom hi li huma tal-qalba.