Ambjent Lokali

Il-Gvern ikompli bil-pjan tiegħu li jneħħi s-siġar

F'pajjiżi meqjusa bħala tat-tielet dinja, fosthom l-Indja u l-Pakistan, qegħdin jinżergħu biljuni ta' siġar

Matul il-lejl li għadda fil-Marsa, numru ta’ siġar li għandhom aktar minn 40 sena inqatgħu kompletament.

Iz-zona fejn tqaċċtu dawn is-siġar tinsab bejn il-Ħamrun u l-Marsa.

Jidher li l-Kunsill Lokali tal-Marsa ma kien jaf b’xejn dwar dan l-att li seħħ fl-aħħar sigħat. Dan hekk kif kompla l-pjan tal-Gvern illi kull fejn ikun hemm żvilupp ta’ toroq ġodda, jitneħħew is-siġar.

Dan kien evidenti fil-proġett tal-Kappara, u se jsir ukoll fil-proġett tal-bypass li minn Ħ’Attard twassal lejn ir-Rabat.

Fuq il-media soċjali kienu bosta dawk li kkritikaw it-tneħħija ta’ dawn is-siġar filwaqt li sostnew li “l-massakru tal-ftit siġar li hawn f’Malta” ma jistax jibqa’ jseħħ qisu xejn mhu xejn.

Filwaqt li f’pajjiżi meqjusa bħala tat-tielet dinja, fosthom l-Indja u l-Pakistan, qegħdin jinżergħu biljuni ta’ siġar, f’pajjiżna jibqa’ għaddej il-massakru fuq is-siġar.

Fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena biss, inqalgħu mal-500 siġra minn diversi lokalitajiet, bl-aħħar episodju jseħħ propju dal-lejl fejn inqalgħu siġar fil-bypass bejn il-Ħamrun u l-Marsa.

Għalkemm uħud mis-siġar maqlugħha kellhom jiġu rilokati għal postijiet oħra, dan il-proċess li mhux wieħed irħis, skond esperti fil-qasam rari jirnexxi, bis-siġar imutu wara ftit żmien.

Iż-żoni milquta minn tqaċċit ta’ siġar s’issa din is-sena jinkludu:
Santa Luċija
Ħal-Balzan
Il-Kappara
Il-Marsa
Il-Mellieħa
In-Naxxar
Il-Belt Valletta
Ir-Rabat, Għawdex