Nhar l-Erbgħa waranofsinhar, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali fil-Parlament Ewropew mistenni japprova r-rapport mħejji mill-MEP Malti David Casa b’rabta mal-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol, b’diversi proposti interessanti li se jaffettwaw b’mod konkret u pożittiv lill-ġenituri f’Malta. Din id-direttiva se tintroduċi 10 t’ijiem ta’ leave għall-missirijiet meta titwieled tarbija, kif ukoll 4 xhur ta’ leave mħallas għal kull ġenitur li jistgħu jittieħdu sal-età ta’ 10 snin tat-tifel jew it-tifla.
Fost l-oħrajn, dan ir-rapport jgħid li l-leave għall-ġenituri meta titwieled tarbija għandu jkun ta’ 80% tal-paga tal-ħaddiem/a, kif ukoll jintroduċi bosta salvagwardji għall-SMEs u min iħaddem.
Il-ħidma fuq dan ir-rapport bdiet f’Ottubru li għadda meta David Casa ntgħażel mill-Parlament Ewropew biex imexxi n-negozjati dwar din id-direttiva li l-għan tagħha hu li tagħti aktar drittijiet lill-ġenituri meta dawn ikollhom it-tfal, kif ukoll li min iħaddem, filwaqt li joffri dawn id-drittijiet, ikun ikkumpensat għalihom. F’Marzu li għadda, l-MEP David Casa ppreżenta r-rapport tiegħu lill-Parlament Ewropew, u minn hemmhekk beda proċess ta’ negozjati biex jinstabu l-aqwa kompromessi bejn l-MEPs ta’ pajjiżi u gruppi oħra.
F’kummenti ma’ netnews.com.mt, l-MEP tal-Partit Nazzjonalista David Casa qal “Ilni xhur naħdem siegħat twal biex nasal għall-aqwa bilanċ possibbli bejn id-drittijiet ta’ min iħaddem u d-drittijiet tal-ġenituri. In-negozjati fost il-Membri tal-Parlament Ewropew ma kienux faċli, iżda l-ħidma għall-kompromessi ma’ MEPs minn pajjiżi u gruppi differenti qed tħalli l-frott. Issa, wara l-vot tal-Erbgħa u dak fil-Plenarja, ninsab ħerqan biex nirrapreżenta lill-Parlament Ewropew kollu fin-negozjati mal-istituzzjonijiet l-oħra biex naslu għall-aqwa direttiva fl-interess tal-ġenituri u ta’ min iħaddem.”
//= $special ?>