Wara li kienu salvati l-ewwel erba’ subien minn qalb l-għerien ta’ Tam Luang, il-bugħaddasa, issa, irnexxielhom joħorġu erba’ subien oħra qawwijin u sħaħ minn dak il-kumpless tal-għerien li spiċċa mgħarraq fil-maltemp.
Hemm intant indikazzjonijiet li l-missjoni tas-salvataġġ reġgħet spiċċat sospiża. Dan waqt li kien mifhum li, fl-għerien, kien għad fadal biss erba’ subien u l-kowċ tagħhom.
Is-subien – membri ta’ tim tal-futbol, b’etajiet li jvarjaw minn 11 sa 17-il sena – u l-kowċ, kienu ilhom mit-23 ta’ Ġunju iżolati qalb l-għerien fil-provinċja ta’ Chiang Rai u wara li l-maltemp xpruna mewġ ta’ għargħar fl-inħawi li għalqu l-aċċessi u l-passaġġi.
Kien biss il-ġimgħa l-oħra li huma nstabu ħajjin u l-awtoritajiet iddeċidew biex iħaffu l-impenn tas-salvataġġ minħabba l-biża’ dwar għargħar ġdid li jista’ jikkumplika s-sitwazzjoni tas-subien fil-fond tal-għerien.
Sadanittant, l-aħħar subien salvati mill-għerien twasslu, bil-mezzi tal-ajru, lejn l-isptar f’Chiang Rai, bl-awtoritajiet ma joħorġux l-ismijiet ta’ dawk li salvaw b’rispett għall-qraba tas-subien l-oħra li għadhom maqbudin qalb l-għerien.
//= $special ?>

