Futbol Sport TAZZA TAD-DINJA 2018

Jinħatar il-kowċ nazzjonali ġdid ta’ Spanja

L-eks kowċ ta’ Roma u Barcelona Luis Enrique nħatar bħala kowċ nazzjonali ta’ Spanja b’kuntratt ta’ sentejn. Enrique li għandu 48 sena se jieħu post Fernando Hierro li l-Ħadd irriżenja mit-tmexxija temporanja tat-tim.

Hierro li lanqas mhu se jirritorna fl-irwol preċedenti ta’ Direttur Sportiv, kien tpoġġa fit-tmexxija teknika tat-tim wara li Julen Lopetegui tkeċċa lejliet il-bidu tat-Tazza tad-Dinja.

Enrique kien ilu bla klabb minn meta ħalla lil Barcelona f’Ġunju tas-sena l-oħra. Hu se jieħu t-tmexxija ta’ tim li kien eliminat fir-rawnd tal-aħħar 16 għat-tieni kompetizzjoni maġġuri, fl-Euro 2016 kontra l-Italja u din id-darba kontra r-Russja bl-għoti tal-penalties.

Enrique li fil-karriera tiegħu bħala plejer lagħab ma’ Real Madrid u Barcelona, rebaħ iċ-Champions League, it-Tazza tar-Re u l-kampjonat fl-2015 meta kien fit-tmexxija ta’ Barcelona bħala kowċ.

Il-Federazzjoni tal-Futbol Spanjola ħabbret ukoll li l-eks gowlkiper ta’ Spanja Jose Francisco Molina nħatar id-Direttur Sportiv il-ġdid.

(Ritratt: EPA)