Festi Kultura Mużika

Banda Maltija tipparteċipa f’festival rinomat fl-Awstrija

Festival meqjus bħala l-palk tal-mużika simfonika fid-dinja

Is-Soċjetà Mużikali Santa Katarina V.M. taż-Żurrieq se tipparteċipa fil-Mid Europe International Wind Music Festival ġewwa Schladming Dachstein, Awstrija bejn it-11 u 18 ta’ Lulju 2018.

Din il-banda Maltija tkun fost 37 banda minn madwar id-dinja li ser tieħu sehem fil-21 edizzjoni tal-festival li huwa meqjus bħala wieħed mill-aktar importanti għall-baned simfoniċi.

‘Il fuq minn 2,500 mużiċist minn 15 -il pajjiż differenti qed jiltaqgħu f’Schladming, raħal żgħir fl-Alpi, eżattament taħt il-muntanja Dachstein fl-Austria, sabiex idoqqu u jesperjenzaw mużika minn madwar id-dinja. Dan il-festival dejjem ikun imżewwaq b’varjetà ta’ mużika antika, ġdida, familjari jew le, tradizzjonali u kontempotanja, reġjonali u internazzjonali.

Din hi t-tmien darba li l-Banda Santa Katarina V.M. taż-Żurrieq ser tkun qegħdha tirrappreżenta lil Malta fuq skala internazzjonali.

Fis-snin ħamsin il-Banda kienet mistiedna tlett darbiet ġewwa Sqallija, wara żaret Bari u Lucca ġewwa l-Italja, Budapest fl-Ungerija u 4 snin ilu daqqet ġewwa l-Black Forest fil-Ġermanja. Il-Banda li ser tkun iffurmata minn madwar 50 mużiċist li kollha huma bandisti tal-post tal-istess Soċjetà, ser tkun ukoll akkumpanjata minn madwar 180 partitarji għal grupp totali ta’ 234 persuna.

Il-Banda Santa Katarina ser tkun impenjata fil-ġranet tal-festival f’żewġ kunċerti, wieħed ta’ mużika pop u moderna fl-apert u l-ieħor ta’ mużika klassika u siltiet minn films ġewwa Schladming Congress Hall. Il-Banda ser tieħu sehem ukoll f’serata mal-baned mistiedna, magħrufa bħala tutti performance, fejn jindaqqu siltiet mużikali minn massed band ġewwa arena.