Il-Malta Football Association ħabbret li ħatret erba’ kowċis ġodda fiċ-Ċentru Tekniku li se jkunu fis-settur taż-żgħażagħ. Winston Muscat inħatar biex imexxi lit-tim nazzjonali ta’ taħt id-19-il sena. Muscat kiseb il-liċenzja UEFA Pro s-sena l-oħra wara li kien parti mill-ewwel grupp ta’ dan il-kors li kien organizzat miċ-Ċentru Tekniku. Hu se jieħu t-tmexxija mingħand Wayne Attard li kompla l-karriera fl-Istati Uniti.
Paul Gatt se jkun qed jaħdem mat-timijiet tal-akkademji. Fl-aħħar żewġ staġuni, Gatt ħadem mal-akkademja taż-żgħar tal-klabb Taljan tas-Serie A Lazio. Hu għandu liċenzja UEFA B u dalwaqt se jibda l-kors tal-UEFA A.
Mark Marlow se jkun qed jagħmel ir-ritorn fl-istaff tal-MFA bħala kowċ tat-tim ta’ taħt il-15-il sena u assistent kowċ tat-tim ta’ taħt is-17-il sena. Marlow li għandu l-liċenzja UEFA Pro, għamel ukoll il-kors tal-UEFA A Youth Elite. Fl-aħħar sitt snin hu kien Head Coach tan-Nursery tal-Mosta.
Gregory Degabriele nħatar fil-kariga ta’ physical trainier fejn se jkun qed jaħdem mat-timijiet taż-żgħar u l-akkademja. Degabriele kiseb l-esperjenza fuq livell ta’ klabbs wara li ħadem mal-kowċ Jacques Scerri ma’ Tarxien Rainbows u Ħamrun Spartans. Minbarra li hu kwalifikat bħala physical trainer u għandu wkoll il-liċenzja ta’ kowċ UEFA B.
//= $special ?>